Ekonomija Lokali

Il-Bank HSBC f’Londra kien diġa’ warrab lill-OTP

F’April tas-sena l-oħra, skont sorsi li tkellmu mat-Times of Mallta il-bank Ungeriż OTP ressaq talba lill-kwartieri ġenerali tal-HSBC f’Londra biex jgħinuh joħroġ bonds internazzjonali. U wara li saru l-verifiki meħtieġa, l-HSBC irrifjutat din it-talba minħabba riskji għar-reputazzjoni tiegħu.

Il-problema ewlenija dak iż-żmien kienet li l-OTP għadu jopera fir-Russja. Barra minn hekk, il-Kap Eżekuttiv tal-bank OTP għandu rabtiet magħrufa mar-Russja u mal-President Vladimir Putin.

Hu kien viċi president tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo – li kienet immexxija minn Putin. U warajh, sar il-President Onorarju tal-istess federazzjoni.

Issa l-bank OTP qed jitqies bħala kandidat “possibbli” sabiex jixtri l-operazzjonijiet tal-HSBC Bank Malta.

Dan wassal għal bosta mistoqsijiet, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-HSBC f’pajjiżna m’għandux l-aħħar kelma fuq il-bejgħ tiegħu. U l-proċess qed jiġi mmaniġġjat minn HSBC Continental Europe.

Minkejja dak li ġara, it-tmexxija tal-OTP ċaħdet li kellha xi problema ta’ reputazzjoni mal-HSBC, u qalet li r-relazzjoni bejn iż-żewġ banek hi “eċċellenti.” Huma saħqu li qed jinżammu ‘l bogħod mill-politika u li qed jaderixxu mal-istandards tal-Punent.

Il-bank OTP kien ukoll iddaħħal f’kontroversja oħra meta l-Ukrajna inkludietha fil-lista ta’ “sponsors internazzjonali tal-gwerra” minħabba l-attivitajiet tagħha fir-Russja. Iżda din id-deċiżjoni kienet imbagħad irtirata wara taħditiet diplomatiċi.

Bħalissa, jidher li hemm mill-inqas żewġ offerti lokali li qed jiġu kkunsidrati biex jixtru l-HSBC Malta – waħda minn APS Bank u oħra minn konsorzju ta’ negozjanti Maltin.