Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għall-aħbar li l-Gvern Amerikan għandu l-intenzjoni li jagħlaq l-Ambaxxata tiegħu f’Malta.
Dan intqal fi stqarrijja mill-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, Beppe Fenech Adami, kif ukoll is-Segretarju Internazzjonali tal-PN, Beppe Galea.
Dan ikun ifisser li għall-ewwel darba mill-Indipendenza ’l hawn, Malta tispiċċa mingħajr Ambaxxata Amerikana li tul is-snin serviet bħala pont ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq livell politiku imma wkoll fuq tant livelli oħra bħalma huma t-tkattir tan-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi, l-edukazzjoni, il-kultura u l-arti fost oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern Malti biex immedjatament jaġġorna lill-poplu Malti fuq dan l-iżvilupp inkwetanti billi jkun ċar dwar jekk ġiex infurmat uffiċjalment b’din id-deċiżjoni, u jekk iva, meta ġie infurmat u x’passi ħa biex dan l-iżvilupp inkwetanti ma jseħħx.
Din id-deċiżjoni tal-Gvern Amerikan fil-konfront ta’ pajjiżna tkun tfisser pass kbir lura fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti. U tkun espressjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern Malti mill-Gvern Amerikan.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tibqa’ disposta li tagħmel kulma tista’ u tassisti bi kwalunkwe mod possibbli biex dan l-iżvilupp inkwetanti ma jseħħx.
//= $special ?>