Lokali

Il-PN iħabbar Festa Familja f’Ta’ Qali fl-1 ta’ Mejju

Xogħol. Ħajja. Kwalità. – Niċċelebraw il-ħaddiem

Xogħol. Ħajja. Kwalità.

Din hija t-tema magħżula mill-Partit Nazzjonalista għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem għal din is-sena, li se jilħqu l-qofol tagħhom b’attività għall-familji f’Ta’ Qali fl-1 ta’ Mejju.

Il-PN dejjem emmen li l-ħaddiem hu s-sinsla ta’ pajjiżna u dejjem investa f’pajjiżna biex lill-ħaddiem joffrilu xogħol ta’ kwalità li jwassal għal ħajja ta’ kwalità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan Caruana, u x-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, ġie mniedi l-messaġġ tal-PN għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u tħabbru d-dettalji tal-attività prinċipali li se jorganizza l-Partit Nazzjonalista għal Jum il-Ħaddiem nhar l-1 ta’ Mejju – Festa Familja li se ssir f’Ta Qali quddiem l-Ambaxxata Amerikana mis-2 pm ’il quddiem. Fi tmiem l-attività jsir diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Il-kelliema spjegaw it-tifsira tal-messaġġ prinċipali magħżul għall-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena, li diġà għaddejjin b’sensiela ta’ żjarat f’postijiet tax-xogħol immexxija mill-Kap tal-PN Bernard Grech:

XOGĦOL: Impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda.
ĦAJJA: Kwalità ta’ ħajja għall-ħaddiema, Bilanċ bejn xogħol u ħin mal-familja u Soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja.
KWALITÀ: Investiment fil-ħaddiema u l-familji.

Il-Partit Nazzjonalista jiċċelebra l-ħidma li fuqha hi mibnija l-ekonomija ta’ pajjiżna. Jiċċelebra l-bżulija u l-għaqal tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Jiċċelebra l-ħaddiem impjegat u l-ħaddiem negozjant. Jiċċelebra s-sens ta’ intrapriża tal-ħaddiem, l-ambizzjoni u d-dedikazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ jemmen li pajjiżna hu li hu grazzi għall-ħidma tal-Maltin li fuqha tul is-snin bnejna lil dan il-pajjiż u jħeġġeġ lil kulħadd jingħaqad f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li jonoraw lill-ħaddiema tal-bieraħ, dawk tal-lum u dawk ta’ għada.

Iċ-ċelebrazzjonijiet bit-tema Xogħol. Ħajja. Kwalità. mhumiex biss turija tal-apprezzament lill-ħaddiema kollha ta’ dan il-pajjiż imma huma wkoll konferma tal-impenn li għandu l-Partit Nazzjonalista biex ikompli jikseb għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin l-aqwa xogħlijiet biex ikunu jistgħu, bil-fatti u mhux bil-kliem, jgħixu ħajja ta’ kwalità.