“Dan iż-żmien ta’ passjoni għandu jfakkarna fit-tbatijiet tagħna u fil-passjoni ta’ Ġesù; iżda fuq kollox għandu jfakkarna wkoll fl-imħabba ġenwina fejn bniedem iħobb lill-ieħor b’qalbu kollha.”
Dan kien il-messaġġ li wassal l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Anton Teuma, hekk kif f’dawn il-jiem il-Knisja tiċċelebra l-akbar ġrajja tal-Insara – il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.
Fil-messaġġ tiegħu, Monsinjur Teuma fakkar li l-kelma passjoni fil-kuntest Malti u Għawdxi ma tfissirx biss tbatija, iżda wkoll imħabba kbira u awtentika – waħda li toħroġ minn ġewwa nett tal-qalb tal-bniedem.
Dan ifisser li f’dan iż-żmien mhux biss nitkellmu fuq it-tbatijiet, iżda wkoll fuq kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejn dawk ta’ madwarna.
Monsinjur Teuma żied jgħid li Ġesù, fl-imħabba tiegħu lejn il-bniedem, għażel li jsir bħalna u jgħaddi mill-istess esperjenzi li ngħaddu minnhom aħna. U anke jekk kultant inkunu qed ngħaddu minn mumenti fejn inħossuna ‘l bogħod jew saħansitra rrabjati għal Ġesù, huwa jibqa’ jħobbna xorta waħda – b’mod sħiħ u bla kundizzjoni.
L-Isqof ta’ Għawdex għamel anke riflessjoni dwar il-mod kif l-umanità tirreaġixxi għall-uġigħ – spiss b’ribelljoni. Dan, qal Monsinjur Teuma, kien rifless b’mod ċar fil-fatt li fi żmien riċenti mijiet ta’ persuni ħassew il-bżonn li jersqu lejn is-Salib mirakoluż Ta’ Ġieżu.
Għal ħafna, dan kien att ta’ tama u tfittxija għal fejqan, li juri kemm il-bniedem jipprova jsib sens u faraġ fil-mumenti ta’ tbatija.
Monsinjur Anton Teuma insista li dan iż-żmien… li jfakkarna fit-tbatija u fl-imħabba… għandu wkoll jiftħilna għajnejna fuq kif għandha tkun ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn; relazzjoni bbażata fuq rispett, solidarjetà u mħabba sinċiera.
//= $special ?>