Lokali

It-tradizzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Ħaż-Żebbuġ

Kienet laqgħa mill-isbaħ dik li kellu l-Kap tal-PN Bernard Grech f’Ħaż-Żebbuġ, hekk kif f’dawn il-jiem kompla jżur aktar lokalitajiet li fihom qed jittellgħu wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Maż-Żebbuġin, Bernard Grech kellu l-opportunità jitkellem dwar it-tradizzjonijiet antiki marbutin ma’ dan iż-żmien tas-sena.

Hawn, hu żar fost l-oħrajn iċ-Ċentru Pastorali – akkumpanjat mid-deputati Adrian Delia, Ryan Callus u Charles Azzopardi.

Aktar tard żar ukoll il-Każin tal-Banda 12th May fejn qed tittella’ wirja ta’ platti magħmulin mis-smid u anke statwi varji.

Bernard Grech, aktar tard, żar il-Każin tal-Banda San Filep fejn hemmhekk iddawwar fis-swali tal-istess soċjetà u żar ukoll iċ-ċenaklu u l-wirja li qed issir fix-xelter.

Iż-żjara f’Ħaż-Żebbuġ intemmet f’wirja privata – li hija waħda minn bosta li qed isiru f’din il-lokalità f’dan iż-żmien tas-sena, li jilħaq il-qofol tiegħu bit-Tridu tal-Għid.

Dan it-Tridu Paskali huwa mqassam fuq tlitt ijiem li fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika, jindikaw tlitt ijiem ta’ tħejjija – tlett ijiem qaddisa li jwasslu għall-Għid tal-Qawmien tal-Mulej minn bejn l-imwiet.

Dan it-tridu, li fil-liturġija jitqies bħala jum wieħed, jibda f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, ikompli fil-Ġimgħa l-Kbira u jintemm mal-Vġili tal-Għid filgħaxija sbiħ il-Ħadd.