Futbol Sport

Jurgen Pisani qed jiġi investigat fuq allegat każ ta’ għemil ħażin, f’partita mill-istaġun li għadda meta kien jilgħab ma’ Santa Lucia

Jurgen Pisani ma' Santa Lucia
Jurgen Pisani ma' Santa Lucia

L-Erbgħa filgħaxija, permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-MFA, il-futbol Malti kien maħsud b’allegat każ ta’ għemil ħażin mill-eks plejer internazzjonali Malti, Jurgen Pisani, fl-istaġun li għadda meta kien plejer ta’ Santa Lucia.

L-MFA qalet li wara li l-Pulizija bdiet investigazzjoni fil-konfront tal-plejer, u saħansitra ġew maħruġa akkużi b’rabta li Pisani kien lagħab l-istaġun li għadda, nhar it-3 ta’ Mejju 2024, meta kien plejer ta’ Santa Lucia, f’konfront kontra Birkirkara, l-assoċjazzjoni qed tieħu azzjoni immedjata.

F’dan l-istadju l-każ hu fuq akkużi li allegatament saru, u talbet li jinbdew proċeduri quddiem il-Kumitat tal-Kontroll, Dixxiplina u Etika – Bord tal-Integrita’ fil-konfront ta’ Jurgen Pisani u tal-klabb St Lucia FC, la darba l-plejer kien reġistrat ma’ Santa Lucija fil-Kampjonat Premier fil-perjodu li allegatament seħħ il-każ.

Fl-istqarrija, l-MFA qalet li in vista tan-natura tal-akkużi in kwistjoni taħt is-Sezzjoni IX tar-Regolamenti tal-Malta FA – Regulations on Bribery and Betting Regarding Football Matches, il-Malta FA issospendit lill-imsemmi plejer b’mod temporanju u dan pendenti l-eżitu tad-deċiżjoni finali fil-proċeduri interni.

Illi din il-pożizjoni qed tittieħed skont ir-Regolamenti tal-Malta FA (Sezzjoni IX) – Regulations for the Investigation of Allegations and for Adjudging upon charges related to Bribery in Football and Illicit Betting related to Football matches under the jurisdiction of the Association.

L-MFA tavża illi f’dan l-istadju mhux se jsiru aktar kummenti ġaladarba l-każ huwa sub-judice.