Knisja Lokali

Kollox lest għall-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa

Atmosfera ta’ silenzju u riflessjoni.

Il-vari, id-damask iswed, l-armar fil-knisja. Tradizzjonijiet antiki li jispikkaw fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi hekk kif din il-komunità daħlet fil-ġimgħa l-aktar solenni tas-sena liturġika – il-Ġimgħa Mqaddsa.

Ħal Qormi huwa magħruf bħala wieħed mill-aktar irħula b’sehem attiv fil-festi reliġjużi tal-Ġimgħa l-Kbira, u l-parroċċa ta’ San Ġorġ għandha storja twila ta’ purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jiġbdu mijiet ta’ nies kull sena. Din is-sena mhux eċċezzjoni, bil-preparamenti bdew minn ġimgħat qabel, kemm ġewwa l-Knisja kif ukoll barra fi triqat ta’ din il-belt antika.

Fost il-preparamenti ewlenin kien hemm il-manutenzjoni tal-vari li juru l-Passjoni ta’ Ġesù – vari li jinkludu Ġesù Redentur, il-Veronika, il-vara l-kbira kif ukoll iċ-ċena li tant hija sinonima mal-paroċċa ta’ San Ġorġ; kollha parti mill-purċissjoni solenni li se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija.

L-Arċipriet tal-parroċċa, il-Kanonku Mario Mangion spjega ma’ Net News kif il-purċissjoni tirrikjedi koordinazzjoni estensiva bejn diversi għaqdiet, voluntiera, u membri tal-fratellanzi. Dawn jinkludu tfal u adulti li jilbsu kostumi bibbliċi u li jieħdu sehem bħala personaġġi.

Il-purċissjoni ta’ Ħal Qormi nhar l-Ġimgħa mistennija tibda għall-ħabta tal-5.30pm, u tkun akkumpanjata wkoll mill-marċi funebri tradizzjonali miż-żewġ baned tal-parroċċa.

Rittratti Catriel Farrugia Sghendo: