Knisja Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jżur Dar Papa Franġisku u d-Dar tal-Kleru matul ir-Randan

Ritratti: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace


Matul iż-żmien tar-Randan, żmien li jistedinna nieqfu, nirriflettu u nkunu qrib il-persuni fil-bżonn, l-Arċisqof Charles Scicluna għamel żewġ żjarat pastorali f’Birkirkara, fejn qatta’ ħin mal-persuni li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ Dar Papa Franġisku, u mas-saċerdoti anzjani fid-Dar tal-Kleru.

Il-preżenza tiegħu serviet bħala eżempju ħaj tal-messaġġ ta’ Kristu: li nħobbu, naqdu u nkunu preżenti għal xulxin, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.

F’Dar Papa Franġisku l-Arċisqof ltaqa’ mal-ħaddiema u l-voluntiera kif ukoll mal-persuni li jagħmlu użu mis-servizz ta’ nofsinhar. Waqt ikla ma’ dawk preżenti, l-Arċisqof sema’ wħud mill-esperjenzi li jiltaqgħu magħhom. Spjegaw li għall-ikla ta’ nofsinhar, kuljum jiftħu l-bieb tad-Dar għal iktar minn 50 persuna, waqt li bejn is-Sibt u l-Ħadd jilqgħu madwar 75 persuna oħra. Bosta minn dawn l-individwi m’għandhomx
saqaf fuq rashom, jew ikunu għaddejjin minn problemi finanzjarji u soċjali, jew jinsabu weħidhom u jbatu minn solitudni.

Dar Papa Franġisku toffri ħafna iktar minn ikla bnina. Kull min jagħmel użu mis-servizzi tagħha jista’ jinħasel, jaħsel ħwejġu, jistrieħ f’ambjent sikur, u jirċievi għajnuna minn ħaddiema soċjali professjonali. Billejl, id-Dar tipprovdi sodda lil irġiel bejn 18 u l-59 sena.

L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Fondazzjoni Dar il-Hena, lil Caritas Malta li tieħu ħsieb il-ħidma ta’ kuljum, u lil kull min qed jgħin fil-missjoni ta’ Dar Papa Franġisk sabiex tkompli tkun għajn ta’ tama għal min għaddej minn mumenti iebsa fil-ħajja. “Dar Papa Franġisku mhix biss post ta’ kenn u dinjità iżda sservi ta’ pont għal ħajja iktar indipendenti,” qal l-Arċisqof.

It-tieni żjara pastorali tal-Arċisqof Scicluna kienet lis-saċerdoti anzjani fid-Dar tal-Kleru. Iż-żjara bdiet b’quddiesa mas-saċerdoti residenti, li matulha ħadu sehem ukoll studenti mill-Kulleġġ ta’ Santa Klara li qattgħu ġurnata volontarjat fid-Dar. Wara l-quddiesa, Mons. Arċisqof qatta’ ftit tal-ħin mas-saċerdoti u mas-sorijiet tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu li jieħdu ħsiebhom. Huwa mbagħad żar is-saċerdoti li ma setgħux joħorġu minn kamrithom.

Fit-Tieni Ħadd tar-Randan, l-Arċisqof Scicluna ltaqa’ wkoll mal-persuni li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid, fejn iċċelebra quddiesa u żar diversi diviżjonijiet tal-ħabs.

Dar Papa Franġisku u d-Dar tal-Kleru huma mmexxija mill-Knisja f’Malta. Min jixtieq jgħin fix-xogħol siewi tagħhom fis-soċjetà, jista’ jagħti donazzjoni online fuq caritasmalta.org/donate jew elderlyhomes.church.mt/dar-tal-kleru.