La Salle Malta, in-netwerk tal-Kulleġġi Lasalljani f’Malta, se tkun qed tospita s-26 Kungress Annwali tal-ASSEDIL bejn l-Erbgħa 23 ta’ April u s-Sibt 26 ta’ April 2025. Il-kungress se jsir fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira, u mistenni jiġbor flimkien aktar minn 120 mexxej edukattiv minn universitajiet, skejjel u istituzzjonijiet edukattivi Lasalljani mir-reġjun tal-Ewropa, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani.
L-ASSEDIL, l-Assoċjazzjoni tal-Mexxejja Edukattivi Lasalljani, hija pjattaforma importanti ta’ kollaborazzjoni bejn dawk li jmexxu l-missjoni edukattiva Lasalljana fir-reġjun. It-tema ta’ din is-sena hija: “Nikbru flimkien fl-Ispiritwalità Lasalljana,” li tħeġġeġ riflessjoni, qsim u tkabbir fil-fidi u l-valuri komuni.

Ispirati mill-ħajja u l-ħidma ta’ San Ġwann Battista de La Salle, il-patrun tal-għalliema, il-Brothers ta’ De La Salle, flimkien mal-lajċi msieħba tagħhom, joffru edukazzjoni umana uNisranija lil miljuni ta’ tfal u żgħażagħ madwar id-dinja, ħafna minnhom ġejjin mill-periferiji tas-soċjetà.
Wieħed mill-mumenti ewlenin tal-Kungress se jkun quddiesa preseduta mill-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Monsinjur Joseph Galea Curmi, li se ssir nhar il-Ġimgħa 25 ta’ April. Il-Kungress se jagħlaq is-Sibt 26 ta’ April b’diskors mill-Superjur Ġenerali tal-Brothers ta’ De La Salle, Brother Armin Luistro.
Wara l-Kungress, Brother Armin se jibqa’ Malta għal żjara uffiċjali fil-missjoni edukattiva Lasalljana f’Malta, li tinkludi l-Kulleġġ De La Salle, il-Kulleġġ Stella Maris, u l-Iskola San Benild. Din il-laqgħa internazzjonali turi r-rwol li għandha Malta fil-familja Lasalljana internazzjonali u l-kontribut kontinwu tagħha għall-edukazzjoni ibbażata fuq il-valuri Nsara fir-reġjun.
“Li nilqgħu f’pajjiżna l-Kungress tal-ASSEDIL ta’ din is-sena huwa kemm unur kif ukoll responsabbiltà,” qal Joseph Gilson, Chairperson tal-Bord ta’ La Salle Malta. “Din hija opportunità unika għalina bħala mexxejja Lasalljani biex nirriflettu flimkien, nagħrfu aktar l-għeruq spiritwali tagħna, u nsaħħu l-missjoni komuni tagħna li naqdu liż-żgħażagħ, b’mod partikulari dawk l-aktar fil-bżonn.”

Il-Kungress Annwali tal-ASSEDIL li sar f’Aprl tas-sena li għaddiet f’Istanbul
//= $special ?>