Opinjoni

OPINJONI: Riflessjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa

Ritratt ta’ tifkira ma’ xi membri tal-Għaqda Wirjiet f’San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara
Il-wirja li beda waħdu Vincent Mifsud 26 sena ilu llum kibret u saret attrazzjoni ewlenija fil-gżejjer Maltin

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Huwa mingħajr wisq dubju li din il-ġimgħa hija l-aktar waħda importanti fil-kalendarju reliġjuż tagħna l-Maltin. Din il-Ġimgħa Mqaddsa hija perjodu reliġjuż importanti ħafna fejn is-soċjetà Maltija, li għandha għeruq Kattoliċi profondi, tiċċelebra l-aħħar ġimgħa tar-Randan sal-Għid il-Kbir li għalina lkoll iġib miegħu okkażjoni ta’ ferħ fi Kristu Rxoxt.

Dan iż-żmien huwa mogħni b’ritwali, purċissjonijiet u tradizzjonijiet li jġibu magħhom riflessjoni, devozzjoni u wkoll element kulturali u artistiku qawwi. Kull sena, nagħżel li niddedika ħafna ħin indur il-lokalitajiet li nirrappreżenta fil-Parlament u nżur il-wirjiet li jittellgħu b’tant reqqa u entużjażmu – wirjiet u esebizzjonijiet li jżommuna dak li aħna: Maltin bi storja kattolika rikka li tmur lura mijiet u mijiet ta’ snin.

Nikkultivaw dak li hu tagħna

Mhux l-ewwel darba li nargumenta dwar l-importanza li nikkultivaw dak kollu li huwa tagħna, dak kollu li jagħmilna min aħna, u għalhekk din il-ġimgħa tagħtini sens ta’ sodisfazzjon għaliex fit-twaħħid tat-tradizzjonijiet reliġjużi ma’ dawk Maltin, nifhem dejjem aktar minn fejn tlaqna u nifraħ meta nara li dak li missirijietna tant għożżew bil-qalb għadu magħna. It-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa għandhom sinifikat li jorbot il-passat tagħna bl-għeruq reliġjużi mal-lum, bit-tama li jiżirgħu sinifikat ’il quddiem. 

Il-Ġimgħa Mqaddsa hija waħda mill-aktar ġimgħat importanti fis-sena f’Malta – mhux biss għal raġunijiet reliġjużi, imma wkoll kulturali u soċjali, primarjament għall-importanza reliġjuża, għat-tradizzjoni kulturali u artistika, għall-parteċipazzjoni komunitarja, għat-tradizzjonijiet kulinarji, u għall-wirt spiritwali u emottiv.

L-Importanza Reliġjuża: Il-Maltin għandhom storja twila ta’ fidi Kattolika, u l-Ġimgħa Mqaddsa tfakkar il-ġrajjiet tal-aħħar jiem tal-ħajja ta’ Ġesù – mill-Aħħar Ċena sal-Qawmien tiegħu. Għal ħafna, dan hu żmien ta’ riflessjoni, penitenza u talb. Il-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena kollha jgħoddu, iżda l-Ġimgħa Mqaddsa għandha ċerta serjetà u qdusija li l-Maltin jirrispettaw ħafna.

It-Tradizzjoni Kulturali u Artistika: Il-purċissjonijiet, l-istatwi artistiċi magħmula bl-idejn, il-kostumi Bibliċi, u d-dekorazzjonijiet tal-knejjes huma kollha parti minn wirt kulturali li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-preparazzjonijiet jibdew ġimgħat qabel u jinvolvu l-komunità kollha li tħares b’għożża lejn il-passat li jagħmilna l-poplu li aħna. Hawnhekk nirreferi wkoll għall-mixjiet Bibliċi li jsiru inklużi ovvjament dawk tal-Ġimgħa l-Kbira.

Il-Parteċipazzjoni Komunitarja: Il-Ġimgħa Mqaddsa tiġbor flimkien familji, voluntiera, gruppi reliġjużi, baned u fratellanzi. Ħafna nies jipparteċipaw fil-purċissjonijiet jew jgħinu biex iżejnu l-knejjes, jorganizzaw il-funzjonijiet, jew juru solidarjetà permezz ta’ atti ta’ ġenerożità, u ta’ dan għandna nkunu grati u nuru rikonoxximent.

It-Tradizzjonijiet Kulinjarji: Bħal kull festa Maltija, anke l-Ġimgħa Mqaddsa għandha t-togħmiet tagħha. Minn qagħaq tal-appostli, sa figolli, sa ikel tas-sawm bħall-ħut u l-faqqiegħ, il-Ġimgħa Mqaddsa għandha l-ikel tagħha. Riċetti oħrajn tipiċi li ilhom jintirtu minn żmien għal żmien bħall-kusksu bil-ful u t-torti fost oħrajn għandhom ukoll sehem imprezzabbli li rridu ngħożżuh.

Il-Wirt Spiritwali u Emotiv: Ħafna Maltin jassoċjaw il-Ġimgħa Mqaddsa ma’ memorji sbieħ tat-tfulija fejn il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom kienu jeħduhom iżuru l-Wirjiet, il-kunċerti funebri, il-purċissjonijiet u l-bqija. Jiddomina sewwa, is-sens ta’ qima u rispett lejn il-Ġrajja ta’ Ġesù li jinħass f’kull raħal f’dan iż-żmien.

Dedikazzjoni u entużjażmu

Irrid nirringrazzja lill-għaqdiet lokali, f’Birkirkara, f’Ħal Lija, f’Ħal Balzan, u fin-Naxxar tal-kontribut tagħhom f’dawn l-attivitajiet. Bħalma għedt aktar ’il fuq, dan huwa ż-żmien li fih infittex li nifhem aktar id-dedikazzjoni u l-entużjażmu tal-esebituri li jiddistingwu ruħhom b’dak li joffru lill-pubbliku, inkluż lil eluf ta’ turisti.

Din is-sena bdejt bil-wirja eċċezzjonali li qed tittella’ fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, wirja li hija fost l-aktar importanti li għandna f’din in-naħa tal-pajjiż. Il-wirja, intitolata ‘Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien’ tlaqqa’ fiha għexieren ta’ esebituri li lkoll qegħdin jesebixxu xogħolhom bl-aktar mod artistiku imma fidil lejn it-tradizzjoni tal-Mewt u l-Qawmien.

F’din il-wirja, wieħed jista’ jsib Ċenaklu fuq stil Lhudi life-size, numru ta’ settijiet ta’ statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira magħmula minn artisti varji u murija minn esebituri diversi, mudell tal-Golgota b’aktar minn 300 statwetta tat-tafal magħmula bl-idejn, mudelli ta’ knejjes armati għall-okkażjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, platti bir-ross, is-smid u bl-għaġin, minjaturi ta’ Artali tar-Repożizzjoni, vestwarju u simboli tar-Rumani sinonimi mal-Ġrajja, u xbihat relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin

Ħassejt li għandi nikteb speċifikament dwar din il-wirja għaliex din l-Għaqda għandna rabta diretta ma’ din il-ġimgħa qaddisa u naf kemm qiegħda tikseb rispett minn madwar il-pajjiż. Irrid ngħid li kien proprju 26 sena ilu li Vincent Mifsud beda bl-ewwel wirja waħdu li llum kibret u saret attrazzjoni ewlenija fil-gżejjer Maltin, u ta’ dan nirringrazzjah. Nagħlaq billi nawgura minn qalbi l-Għid it-Tajjeb lill-qarrejja ta’ din il-paġna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 16 ta’ April, 2025.