Opinjoni

OPINJONI: Robert Abela protagonista tal-u-turns

Tajjeb li kulħadd jirrealizza li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u allura kull wieħed u waħda minna għandu u għandha r-responsabbiltà li niddeċiedu bis-serjetà lil fejn irridu nieħdu lil dan pajjiżna

Noel Muscat
Kandidat Partit Nazzjonalista

Jew niddeċiedu li nħallu lil pajjiżna jogħdos ’l isfel kemm-il darba jibqa’ mmexxi mill-Gvern Laburista, inkella nagħtu l-fiduċja tagħna lill-Partit Nazzjonalista u hekk ikollna tama li pajjiżna jaqbad mill-ġdid ir-rotta t-tajba li tkun fl-aħjar interess mhux biss ta’ kull wieħed u waħda minna, imma anki ta’ pajjiżna.
L-għażla hi waħda sempliċi jekk verament int tħobb lill-familja tiegħek u lil pajjiżna… dik li trid tagħżel bejn Gvern li qed jimmina d-demokrazja jew Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li proprju jsaħħaħ id-demokrazija.
Onestament nistqarr li ma nistax nifhem kif kull darba li l-Labour ikun fil-Gvern, allura fost dawk li jaqilgħuha l-ewwel ikun hemm il-prinċipju bażilari tad-demokrazija li tispiċċa indirizzatha bid-daqqiet ta’ ħarta u bis-swat. Id-demokrazija li Gvern Laburista dejjem jara kif se jimminaha, ikasbarha, jheddida u jirredikolaha b’dannu kbir għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u għas-serħan tal-moħħ tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan kollu bid-differenza ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li dejjem iddefendew u saħħew id-demokrazija.
Nemmen li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern hu garanzija tal-libertà; il-libertà li tigi l-ewwel u qabel kollox.

Gvern Laburista mifni bil-problemi
Irridu nammettu li għandna Gvern Laburista li hu mifni bil-problemi li ħoloq hu stess. Kull jum jiġri wara denbu. Kif jista’ Gvern mifxul u mħawwad imexxi lill-pajjiż ’il quddiem fis-sliem meta l-problemi ħoloqhom hu stess?
Nista’ nirreferi għal elf eżempju, imma se nsemmi wieħed biss… il-famuż Nikolaus mikri mill-Gvern mingħand il-Griegi għal eluf ta’ ewro kull jum. Dan in-Nikolaus jien nikkonsidrah bħala xempju tal-falliment tal-Gvern Laburista. Huwa xempju ta’ stil ta’ tmexxija, ta’ deċiżjonijiet żbaljati u ħżiena li ttieħdu f’diversi oqsma u bir-riżultat hu li qiegħed ibati l-poplu.
Kif tista’ qatt toffri servizz li huwa ħafna agħar minn dak li ġie offrut tletin sena ilu!
Min jaf x’jogħrok idejh min qed jirċievi €13,000 jew aktar ma’ kull jum li jgħaddi għall-kiri ta’ dan ir-raċanċ li ħares lejh idgħardrek u titla’ fuqu jdgħardrek aktar.
L-istil ta’ tmexxija mill-Partit Nazzjonalista hi bil-wisq differenti. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern hu impenjat biex itejjeb is servizz tal-konnettività billi jżid il-flotta b’vapuri moderni u jintoduċi servizz biss għall-merkanzija.
Għaliex il-poplu jrid jagħżel bejn il-Partit Laburista li falla u hu bla kontroll u l-Partit Nazzjonalista li għandu viżjoni ċara għal pajjiżna? It-tweġiba hi faċli… għaliex filwaqt li l-Partit Laburista – bi ħsieb – jieħu deċiżjonijiet żbaljati favur dawk tal-qalba, il-Partit Nazzjonalista jpoġġi lilek fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u jfittex tassew il-veru interessi ta’ pajjiżna.
Niskanta b’Robert Abela bħala l-Prim Ministru ta’ Malta anki għall-fatt li dan hu Gvern rinomat għall-u-turns kontinwi li jagħmel; tant hu Gvern dgħajjef u bla kontroll li kull min f’pajjiżna jsegwi dak li jkun qed jiġri mill-ewwel jifhem li dan hu Gvern li ma jixraqx lill-poplu Malti u Għawdxi.
Anki jekk wieħed iħares biss lejn in-natural tiegħu, isib li dan hu Gvern Laburista li jew ma jiddeċidix jew inkella jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jkunu żbaljati u mhux fl-interess ta’ pajjiżna. Kif jara l-mewġ ġej għalih jagħmel u-turn biex jipprova jsalva ġildu.

Robert Abela sinonimu għall-u-turns
Niftakar sensiela twila ta’ u-turns li għamel Robert Abela, fost l-aktar waħda kbira kien hemm dik fil-konfront tal-familja Sofia. Dakinhar, Robert Abela, fuq firxa ta’ ġimgħat sħaħ ma ddejjaq assolutament xejn juri nuqqas kbir ta’ insensittività kbira meta fl-istess waqt il-poplu kien imkexkex b’dak kollu li kien seħħ fid-dawl tax-xemx. Imma dakinhar Robert Abela ried jgħatti lil tal-qalba u ġie jaqa’ u jqum mill-karba ta’ omm li tilfet lil binha ħabta u sabta.
Issa mill-ġdid sensiela ta’ u-turns oħra fejn tidħol il-politika barranija, l-Armata, id-Difiża ta’ pajjiżna. Malta jitkellem b’ċertu tonalità imma lil hinn minn xtutna jitkellem b’tonalità kompletament l-oppost. Hawnhekk jgħid mod imma barra minn Malta – fil-fora ta’ Brussell – jitkellem b’mod kompletament differenti.
Din hi politika għalkollox mhux fl-interess ta’ pajjiżna; politika li ma sserraħx l-imħuħ tan-nies għaliex turi nuqqas kbir ta’ konsistenza u immaturità. Gvern serju fil-politika barranija tiegħu jkun jaf x’inhu jagħmel u jkun konsistenti u b’messaġġi ċari ħafna u mhux joqgħod jilgħab skont fejn ikun qiegħed.
Hawn hekk irrid insellem lill-Kap tal-Partit Bernard Grech għall-konsistenza tiegħu fejn anki fil-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew ressaq emendi importanti li kienu aċċettati u inkorporati fid-dokument finali. Emendi biex jassigura l-prinċipju tan-Newtralità ta’ Malta ħalli dan il-prinċipju jibqa’ jkun rispettat u mħares.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13  ta’ April, 2025.