Sport Sport Ieħor

Rebħa oħra għal Juniper ta’ Brian Flahive fir-Regatta ‘Tommy Hilfiger Figure of 8’

Nhar is-Sibt li għadda, ir-Regatta ‘Tommy Hilfiger Figure of 8’, organizzata mir-Royal Malta Yacht Club, ippreżentat sfida tattika għall-ekwipaġġi li ħadu sehemDin is-sena, ir-rotta tat-tellieqa kienet lejn in-Nofsinhar ta’ Malta u madwar il-Gżejjer Maltin, f’kundizzjonijiet li eżiġu reżiljenza u preċiżjoni.

It-tiġrija bdiet fil-Port ta’ Marsamxett, b’linja tat-tluq bejn il-Forti Sant’Iermu u Tigné Point. Minn hemm, il-flotta kellha tbaħħar rotta spettakolari iżda teknika, li għaddiet minn ħdejn il-marki tal-Munxar u Bengħajsa, madwar Filfla, mill-fliegu ta’ Kemmuna, u lura tul il-kosta tal-Lvant ta’ Malta, qabel ma spiċċaw lura fil-Port ta’ Marsamxett.

Il-bidu tat-tiġrija kien wieħed diffiċli, b’riħ ħafif, li kkaġuna dewmien biex il-flotta toħroġ mill-Port il-Kbir.

Brian Flahive, li kkompeta ma’ Aaron Gatt Floridia fuq Juniper, iddeskriva l-ewwel 30 minuta wara t-tluq bħala l-iktar diffiċli:

“Kienet tiġrija ta’ sfida kbira li rrikjediet ħafna tibdil ta’ qlugħ u ħafna paċenzja! Il-flotta kollha nġabret flimkien, u kien diffiċli li tiddetta angoli tajbin għat-tibdil fir-riħ. Kellna mument fejn, fil-fliegu ta’ Kemmuna, spiċċajna mingħajr riħ.”

Ta’ l-istess fehma kien ukoll il-kaptan ta’ Lartista, Anton Calleja, li rringrazzja lill-ekwipaġġ tiegħu għall-perseveranza tagħhom matul it-tiġrija, u qal li “Meta għaddejna mill-fliegu li kien mingħajr riħ, qisu bdejna mill-ġdid.”

Steve Carter abbord Stella R fil-Klassi Cruising enfasizza l-aspett mentali, partikolarment fl-aħħar stadji tat-tellieqa:

“Meta wasalna Kemmuna u rajna l-iktar dgħajjes veloċi għadhom qed iduru, ħsibna li lħaqna l-flotta. Imma konna kważi bla riħ – kull mil kien jinħass li ma jispiċċa qatt. Però, konna esperjenzajna dawn il-kundizzjonijiet fir-Rolex Middle Sea Race tal-2021 – din kienet tagħlima tajba. ”

Stefan Debattista ta’ Geisha, li spiċċa fit-tielet post tal-klassifika ġenerali, kellu wkoll kliem ta’ tifħir għal din l-esperjenza:

“Il-Figure of 8 kienet ġurnata sabiħa fuq il-baħar, minkejja t-tbassir ta’ riħ ħafif. Il-baħar kien lixx il-ġurnata kollha, u wara bidu bil-mod, madwar Kemmuna, ir-riħ beda jżid għal bejn 5 u 10 mil-nawtiku fis-siegħa.”

Il-kundizzjonijiet ta’ riħ ħafif kienu ta’ sfida għal bosta, bi tliet dgħajjes li eventwalment irtiraw mit-tiġrija.

Filwaqt li ħafna komplew b’determinazzjoni, xi wħud spiċċaw jirtiraw xhieda ta’ kemm il-baħar jista’ jkun diffiċli meta jonqos ir-riħ.

Id-dgħajsa l-ġdida ta’ Luis Azzopardi, Kixx Me, kienet l-ewwel li spiċċat it-tellieqa. Iżda wara li ġew applikati l-klassifiċi skont is-sistema tal-IRC, it-tim ta’ Brian Flahive u Aaron Gatt Floridia abbord Juniper ħarġu rebbieħa ġenerali.

Lartista ta’ Anton Calleja temmet fit-tieni post, segwita minn Geisha ta’ Stefan Debattista fit-tielet post. Fil-Klassi Cruising, ir-rebħa nkisbet minn Stella R ta’ Steve Carter.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni saret nhar il-Ħadd filgħaxija fir-Royal Malta Yacht Club, fil-preżenza ta’ Estelle Spiteri, Group Marketing Specialist tal-Hudson Group, li huma r-rappreżentanti tad-ditta Tommy Hilfiger f’Malta.

Il-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, Mark Napier, esprima l-apprezzament tiegħu lill-parteċipanti kollha u rringrazzja b’mod speċjali lill-Hudson Group għall-appoġġ tagħhom. Huwa rrikonoxxa wkoll ix-xogħol tal-membri tar-Race Management Team, immexxi minn Martin Azzopardi u assistit minn Tania Bonnici, Michelle Caruana, Adrian Gauci Borda u Piero Picone.

L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tal-Club huwa l-ewwel regatta offshore tal-istaġun – il-Paymix Pro Ragusa Regatta, li se ssir bejn l-1 u l-4 ta’ Mejju.