Jared Micallef kiser ir-rekord nazzjonali tat-800m meta fid-WA Athletics Stadium f’Perth, ikkompeta fil-Kampjonati tal-Awstralja, fejn temm fil-ħames post fil-finali b’minuta u 46.08 sekondi.
Kien hemm aktar rekords. Fir-raba’ Challenge Meet ta’ Athletics Malta fl-400m hurdles iż-żagħżugħ Benjamin Salnitro kiseb ħin record ta’ 54.66 sekondi. L-atleta ta’ La Salle kiser ir-rekord ġimgħa wara għadd ta’ snin Jordan Pace kien kiser l-istess rekord.

Atleta ieħor ta’ La Salle, Thomas Grech, għamel record fit-3000m steeplechase fejn rebaħ f’10 minuti u 33.82 sekondi . L-aqwa ħin qatt reġistrat fil-kategoriji Under 23 u Under 20.
Fl-istess waqt erba’ atleti ħadu sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-Ġiri, f’Leuven, fil-Belġju . Luke Micallef ħa sehem fl-10 kilometri, fejn temm fi 30 minuta u 34 sekonda. Lisa Bezzina temmet l-istess distanza fi 38 minuta u 6 sekondi. Fil-maratona, Simon Spiteri kiseb l-aqwa ħin personali tiegħu fid-distanza ta’ sagħtejn, 23 minuti u 47 sekonda, filwaqt li Dillon Cassar ġera n-nofs maratona f’siegħa, 07 minuti u 45 sekonda.
Atleti żgħażagħ ħadu sehem fil-Logħob tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport tal-Iskejjel fi Żlatibor, fis-Serbja. Fil-kategorija taħt il-15-il sena, Malta rebħet erba’ midalji tal-bronż. Kayleigh Ellul rebħet żewġ midalji, bit-tielet post fit-300m u fil-100m hurdles fi 15.20 sekondi. Fil-kategoriji Taħt 16 u Taħt 18-il sena Matteo Gauci fit-tielet post fit-800m, u t-tielet post mit-tim tar-relay tat-tfajliet, magħmul minn Carey Spiteri, Kayla Slack, Leah Frendo u Kristina Azzopardi.
