Tifel ta’ 15-il sena ngħata sentenza sospiża wara li meta kien għadu taħt ordni ta’ probation, ħebb u fera gravi kuntistabbli tal-Pulizija, li heddu u inġurjah u li għamel l-istess lil diversi persuni oħrajn. Huwa ma nstabx ħati li ħebb għal persuna minnhom.
L-inċident f’residenza li kienet għadha kemm tiftaħ fl-istess jum li seħħ l-inċident, liema dar kienet għal tfal minorenni li jinsabu taħt Care Order. Il-Pulizija vittma, qal fil-Qorti li fil-bidu ta’ din is-sena kien dettaljat xogħol mis-6pm. sa nofsillejl fir-residenza fejn inqala’ l-inċident.
Il-Qorti ordnat li t-tifel ikollu biex jgħinu uffiċjal tal-probation biex jikkontrolla r-rabja tiegħu. Il-kwistjoni li nqalgħet fl-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena bejn it-8pm u d-9:30pm wara li l-imputat naqas milli jaderixxi mar-regoli tar-residenza li jgħix fiha.
Ir-regoli kienu dik li l-imputat ma jistax jitla’ bit-‘tablet’ fil-kamra tiegħu, bir-riżultat li tefa’ l-internet għar-residenti kollha u qam paniku sħiħ. Wara li kien mitkellem mill-kuntistabbli Nathan Ciappara bil-kelma t-tajba, it-tifel niżel isfel u qala’ r-‘router’ ‘tal-internet u minn hemm beda l-inċident li wassal biex l-istess uffiċjal tal-Pulizija sofra ġrieħi ħfief.
L-espert tal-Qorti t-tabib Mario Scerri u l-kollega tiegħu Dr. Ramon Scerri, xehdu u kkonfermaw il-kontenut tagħhom bil-ġurament dwar il-ġrieħi li ġarrab il-kuntistabbli. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien osservat li x-xhud prinċipali f’dawn il-proċeduri kien l-istess kuntistabbli Nathan Ciappara li spjega dak li ġara fid-dettall.
Il-verżjoni tiegħu kienet korroborata minn tliet carers, kif ukoll zewġ minuri, b’porzjon sinifikanti ta’ dak li ġara ikun dokumentat fuq il-body cam tal-kuntistabbli Ciappara. Rigward l-akkużi, mill-provi prodotti jirriżulta li l-imputat, wara li naqas milli jaderixxi mar-regoli imposti fuqu, u mitkellem mill-kuntistabbli Nathan Ciappara u avżat mill-carers dwar il-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu, jiġifieri t-tifi tal-internet tar-residenza, dan xorta baqa’ jhedded.
Ir-reazzjoni tal-imputat kienet waħda ta’ għajjat, tgħajjir, theddid u vjolenza, partikularment fil-konfront tal-kuntistabbli li, apparti li kien qed jipprova jkellem lill-imputat bil-kelma t-tajba u jitolbu jikkalma, kien qiegħed jaqdi dmirijietu bħala membru tal-Korp tal-Pulizija, u li din ir-reazzjoni eventwalment wasslet sabiex il-kuntistabbli spiċċa jsofri ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Għaldaqstant it-tifel instab ħati wkoll li bl-aġir tiegħu huwa beżża’ lill-uffiċjal pubbliku bl-iskop li ma jħallihx jaqdi dmiru. Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li fi proċeduri separati nhar id-9 ta’ Jannar 2025, ġurnata qabel twettaq dan ir-reat, l-imputat tpoġġa taħt Ordni ta’ Probation għal żmien tliet snin mid-data tas-sentenza.
Mill-provi jirriżulta għalhekk li hu naqas milli jaderixxi mal-kundizzjonijiet tal-Ordni ta’ Probation wara li nstab ħati fil-proċeduri msemmija. Il-Qorti qalet li l-akkużi fil-konfront tal-imputat huma ta’ natura serja u li l-piena għandha tkun tali li tirrifletti s-serjetà tagħhom, hija wkoll tal-fehma li piena ta’ priġunerija effettiva fil-konfront tiegħu ma tkunx waħda idonea.
Il-Qorti tqis li jkun f’pożizzjoni li jagħmel aktar progress jekk it-tifel jibqa’ jkun segwit mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole. Dan jingħad ukoll anke tenut kont l-età tal-imputat li għadu minorenni ta’ 15-il sena. Għaldaqstant il-Qorti kkundannatu piena ta’ 18-il xahar priġunerija, sospiżi għal perjodu ta’ 36 xahar mid-data ta’ din is-sentenza.
Huwa ġie kkundannat ukoll għal ħlas ta’ multa li skont il-liġi ġiet ridotta għal ammenda fl-ammont ta’ €116.46ċ. Il-Qorti wissiet lill-imputat, issa l-ħati, bi kliem ċar u sempliċi l-portata ta’ din is-sentenza, inkluż ir-responsabbiltà tiegħu f’każ li jonqos milli jaderixxi mal-kundizzjonijiet imposti.
Dik li f’każ li jikkommetti reat ieħor li għalih hemm piena ta’ priġunerija, il-perjodu operattiv ma jibqax fis-seħħ, u l-piena ta’ priġunerija ta 18-il xahar issir waħda ta’ priġunerija effettiva. Il-Qorti wkoll poġġietu taħt Ordni ta’ Trattament għal perjodu ta’ tliet snin mid-data ta’ din is-sentenza.
Dan bl-iskop li jindirizza l-problema tar-rabja u jirċievi kull trattament psikoloġiku ieħor neċessarju minn dak li jista’ jkun konstatat mill-professjonisti inkarigati f’dan ir-rigward. Il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem ċar u sempliċi r-responsabbilta’ tiegħu u f’każ li jonqos milli jaderixxi mal-kundizzjonijiet.
Dawn għandhom ikunu komunikati minnufih lid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole sabiex ikun assenjat Probation Officer lill-ħati li għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza tiegħu, u għandu jirrapporta lill-Qorti bil-miktub dwar l-andament kull tliet xhur.
Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex tipprovdi għas-sigurtà għad-diversi persuni li kienu mhedda mit-tifel, u rabtet lill-ħati b’obbligazzjoni tiegħu nnifsu taħt garanzija ta’ €1,000, u dan għal żmien 12-il xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Magri.