Raġel ta’ 34 sena li joqgħod is-Siġġiewi ġie ordnat jagħmel 100 siegħa ta’ xogħol fil-Komunità u ngħata probation ta’ tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li għamel qliegħ b’qerq għad-dannu ta’ kumpanija, li jammonta għas-somma ta’ €80,000.
Ir-raġel, li kellu l-vizzju tal-logħob tal-ażżard u li issa qed jindirizza l-problema ammetta li bejn ix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2023 u d-9 ta’ Frar tas-sena 2024, f’Malta dawwar bi profitt għalih jew għal persuna oħra ħaġa ta’ ħaddiehor li tkun ġiet fdata jew ikkunsinnata lilu, minħabba l-professjoni, l-kariga, jew is-servizz tieghu, għad-dannu tal-kumpanija li kien jaħdem magħha.
Ir-raġel li fittex l-għajnuna ta’ diversi professjonsiti ammetta li nqeda b’qerq, ingann, jew billi wera ħaġa b’oħra sabiex igieghel titwemmen l-ezistenza ta’ intrapriżi foloz, biex għamel qligh bi hsara ta’ persuna jew persuni naturali jew ġuridiċi, liema hsara taċċedi l-ammont ta’ €5,00.
Il-Qorti qieset l-ammissjoni tal-imputat reġistrata fl-ewwel seduta miżmuma fl-1 ta’ Lulju 2024, u reġa’ kkonferma l-ammissjoni inkondizzjonata tiegħu wara li ġie mwissi bil-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni waqt l-istess seduta.
Il-Qorti qieset il-fatt li waqt l-istess seduta d-difiża talbet li jsir pre-sentencing report, il-prosekuzzjoni ma oġġezzjionatx u l-Qorti laqghet it-talba. Rat ir-rapport prezentat mill-Uffiċċjal tal-Probation fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2025.
Il-Maġistrat Monica Vella qieset ix-xhieda tal-Ispettur Clive Abela ta’ nhar l-1 ta’ Lulju 2024 fejn spjega li hu ġie infurmat bir-rapport li kien sar kontra l-imputat mill-Ispettur Warren Galea. Qal li l-imputat ġie imsejjah għall-interrogazzjoni fis-16 ta’ Marzu 2024.
Tenna li sussegwentement hu ġie ikkuntatjat mill-avukat tal-imputat fejn infurmahom li l-ammont li kien ittieħed kontra il-liġi ġie imħallas kollu u dan kien jammonta għal madwar €68,000. Jghid li t-total ta’ flus kien jammonta għal €80,000 pero’ €18,00 minnhom kienu ġew restitwita qabel ittieħdu l-proċeduri.
Kienu diversi esperti mediċi li spjegaw li r-raġel kellu kundizzjonijiet ta’ natura medika. B’espert jixhed illi bħalissa r-raġel huwa stabbli u għandu xogħol ieħor. Jghid li l-imputat qed jipprrova jibda mill-ġdid.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset il-fatt li waqt il-proċeduri r-raġel radd dak kollu li kien ħa bi vjolazzjoni tal-liġi u ghalhekk il-vittmi ma għandhom xejn x’jieħdu lura u ma sofrew l-ebda telf. Il-Qorti ukoll innotat li l-imputat meta rinfaċċat b’dawn l-akkużi irrealiżża li kellu problema akuta ta’ logħob u mar ifittex l-ghajnuna.
Jidher li hu qed jimxi mal-gwidi li ħejjew għalih l-professjonijsti. Il-Qorti lanqas ma tista’ tinjora li l-imputat kellu tfulija mhux feliċi kif ukoll lanqas tista’ tinjora li l-fkondotta tiegħu li hija netta.
Għaldaqstant, il-Qorti tqis illi piena karċerarja mhijiex f’postha f’dan il-każ u li l-imputat għandu jingħata ċ-ċans li jirrijabilita ruħu mill-vizzju tal-logħob u jkompli fit-triq pożittiva li qabad.
Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-imputat ghandu jitpoġġa taht Ordni ta’ Probation u dan sabiex ikompli jiġi segwit u jingħata l-għajnuna sabiex jirrijabilita ruħu kompletament minn dan il-vizzju. Il-Qorti qieset ukoll illi l-imputat għandu jaghmel servizz bla ħlas fil-komunità sabiex jagħti lura lis-soċjeta u jikkumpensa għall-ħsara li għamel.
Għaldaqstant, għal dawn ir-ragunijiet, il-Maġistrat Monica Vella poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Probation u Servizz għal perjodu ta’ tliet snin. Barra minn dan ordnat lir-raġel li jagħmel servizz fil-Komunità għal 100 siegħa, liema siegħat ghandhom jiġu eżegwiti fi żmien sena matul il-perjodu tal-probation.
Dan hekk kif jigi mogħti struzzjonijiet minn u taħt is-sorveljanza tal-Uffiċjal għas-Servizz fil-Komunità li jiġi assenjat lilu mid-Direttur għas-Servizzi tal-Probation, u f’dak il-post u skond l-arranġamenti li jsiru mill-istess Uffiċċju tal-Probation u Parole, bl-approvazzjoni tal-Qorti.
Dawn l-ordnijiet qed isiru wara li din il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem car u sempliċi l-effett ta’ dawn l-ordnijiet u li jekk huwa jonqos li jikkonforma ruħu magħhom jew jagħmel xi reat ieħor, huwa jkun jista’ jingħata sentenza għar-reat oriġinali.
//= $special ?>