Il-Knisja Kattolika madwar id-dinja iċċelebrat Ħamis ix-Xirka – jum li jfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-ħasil tar-riġlejn tal-Appostli, bħala turija tal-umiltà u d-dmir ta’ qadi li għandna ngħixu.
Ħamis ix-Xirka huwa l-jum meta ġiet ċċelebrata l-aħħar ikla li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu qabel ma mexa għall-Ort tal-Ġetsemani, fejn ġie tradut u mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.
Filgħodu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra l-quddiesa tal-Griżma bit-tberik taż-żjut; fejn fil-fatt jitbierku ż-żjut li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u riti oħra tal-Knisja matul is-sena kollha.
U filgħaxija, imbgħad, Monsinjur Scicluna mexxa t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn ħasel ir-riġlejn ta’ għadd ta’ persuni.
Wara ċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-quddiesa, l-Ewkaristija ittieħdet lejn l-artal tar-repożizzjoni.
Intant, f’Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa filgħodu f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, isiru s-seba’ visti. B’uħud jagħmlu dawn il-viżti fi knejjes differenti, filwaqt li oħrajn jagħmlu l-viżti fi knisja waħda.
Is-seba’ visti jirrappreżentaw l-aħħar seba’ stazzjonijiet li għadda minnhom Ġesù mill-arrest tiegħu f’jum Ħamis ix-Xirka sal-mewt tiegħu fil-Ġimgħa l-Kbira.
F’kull żjara, l-pellegrini jinżlu għarkupptejhom quddiem l-Ewkaristija Mqaddsa jitolbu u jirriflettu fuq il-passjoni ta’ Kristu.
Dan huwa żmien ta’ ġabra ta’ riflessjoni għall-insara kollha. U huwa l-perijodu li jagħti bidu għat-Tridu tal-Għid.
F’dawn il-ġranet, uħud mill-knejjes għadhom jitlibsu bil-lewn iswed, f’sens ta’ luttu. Oħrajn ikunu imżejna bil-vari mill-isbaħ li joħorġu fil-purċissjonijiet nhar il-Ġimgħa l-Kbira – purċissjonijiet li fihom jipparteċipaw mijjiet ta’ dilettanti u reffiegħa, li għandhom iżommu ħajja din it-tradizzjoni antika.
//= $special ?>