Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sitt xhur ħabs kull wieħed għal tliet irġiel li xtraw passaport falz

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet l-appell ta’ tliet irġiel li kienu ġew kundannati sitt xhur ħabs kull wieħed mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstabu ħatja li xtraw passaport falz. Majid Al Enzi, Adel Al Saed u Hamad Jabar ilkoll detenturi ta’ passaport Grieg kienu ammettew li ffalsifkaw dokument bil-għan li jagħmlu użu minnu.

Huma lmentaw illi l-piena kienet waħda sproporzjonata u eċċessiva li ma toħloqx bilanċ bejn l-aspett retributtiv u dak riformattiv tant aċċennat u aċċettat fil-kunċett ta’ ġustizzja kriminali fiż-żminijiet ta’ llum. Huma saħqu li l-Ewwel Qorti kellha tkun iktar klementi fis-sentenza tagħha tenut kont illi l-appellanti ġew dikjarati bħala apolidi, u ċioe’ mingħajr nazzjonalità, għaliex jappartjenu għal minornaza Għarbija fil-Kuwajt magħrufa bħala l-Bidoon li tfisser ‘mingħajr ċittadinanzà..

Minħabba f’din is-sitwazzjoni jsostnu illi huma ibatu minn restrizzjonijiet serji, għandhom drittijiet limitati u aċċess minimu għal servizzi essenzjali u impjiegi, bil-kundizzjonijiet tal-għejxien tagħhom allura ikunu ferm prekarji fejn ma jgawdux minn bżonnijiet essenzjali bħal edukazzjoni, kura tas-saħħa, ilma nadif, elettriku u akkomodazzjoni adegwata li allura iwassalhom sabiex jaħarbu minn pajjiżhom sabiex ifittxu ħajja aħjar ġewwa l-Ewropa.

Għalkemm ingħataw residenza fil-Greċja, madanakollu jgħidu illi huma kostretti jivvjaġġaw sabiex ifittxu lill-familjari tagħhom li ukoll sfaw spostati. F’dan ix-xenarju huma jqisu illi s-sentenza ta’ sitt xhur priġunerija tmur lil hinn mill-aspett reformattiv.

L-I-Imħallef Edwina Grima li kienet qed tippresiedi l-Qorti tal-Appell qalet li kemm il-darba kien ingħad fil-ġurisprudenza tal-Qrati, illi meta jkun hemm ammissjoni, huwa xi ftit jew wisq odjuż appell mill-piena sakemm din tidħol fil-parametri prefissi mil-liġi.

“Dan għaliex min jammetti jkun qiegħed jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni dwar il-piena li l-Qorti tista’ tasal għaliha. Dan ma jfissirx, iżda li ma jistax ikun li l-piena tista’ tkun waħda eċċessiva. Dwar dan il-każl-irġiel ammettew b’mod inkondizzjonat l-akkużi kollha miġjubin kontrihom u kkonfermaw din l-ammissjoni wara li l-Ewwel Qorti wissiethom dwar il-konsegwenzi tagħha u tathom żmien sabiex jaħsbuha u jmorru lura minnha, iżda huma baqgħu jinsisti fuq l-ammissjoni tagħhom.

Issa dawn kienu ikundannati għal perijodu ta’ sitt xhur priġunerija. Huma kienu mixlija u misjuba ħatja tar-reat li jġorr il-piena ta’ priġunerija għal żmien minn sitt xhur sa sentejn, u li jġorr il-piena tal-multa ta’ mhux iżjed minn €11,646.87 jew priġunerija għal żmien ta’ mhux aktar minn sentejn jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti kienet fil-minimu assolut ikkontemplat fil-liġi, bil-Qorti għalhekk ma tistax tifhem kif l-appellanti qegħdin jilmentaw illi din kienet waħda eċċessiva u sproporzjonata.

Illi mbagħad għalkemm fir-rikors ta’l-appell isemmu diversi ċirkostanzi li, fil-fehma tagħhom, kellhom iwasslu lill-Qorti teżerċita l-klemenza fil-konfront tagħhom bħal meta jikkontendu illi għaliex huma apolidi, ma għandhomx aċċess għas-servizzi essenzjali u bażiċi fil-ħajja li għalhekk jiġu kostretti jaħarbu minn pajjiżhom sabiex ifitxxu ħajja aħjar, dawn il-fatti ma humiex sostanzjata bl-ebda prova.

Issa huwa minnu illi l-appellanti għandhom fedina penali netta, madanakollu lanqas ma jista’ jintesa illi l-appellanti irrikorrew għall-persuni li jifformaw parti minn organiżazzjoni kriminali sabiex jirnexxielhom jaqsmu liberalment minn pajjiż għall-ieħor u dan b’mod illegali, u dan wara li kien irnexxielhom jiksbu permess biex jirrisjedu ġewwa il-Greċja.

Għalhekk ma huwiex minnu dak minnhom allegat ġaldarba huma kellhom il-permessi neċessarji biex igħixu ġewwa il-Greċja. L-Imħallef Grima qalet li l-piena ta’ priġunerija għar-reati li l-appellanti ammettew u ġew misjuba ħatja tagħhom ma kienetx żbaljata fil-prinċipju kemm minħabba li dawn huma meqjusa bħala reati ta’ natura serja, li jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, anke jimminaw is-sigurta tal-Istat, kif ukoll minħabba li n-numru ta’ persuni li jinqabdu jikkommettu reati ta’ din in-natura sploda l-fuq f’dawn l-aħħar snin.

Huwa minnu ukoll illi persuni akkużati b’reati simili għal dawk li dwarhom l-appellant kien misjub ħati jispiċċaw vittmi tar-rebgħa ta’ organiżazzjonijiet kriminali li jagħmlu kapital mit-tbatija u d-diffikultajiet li jkunu jinsabu fihom il-vittmi tagħhom.

Fil-fatt mill-istqarrijiet rilaxxati mill-appellanti lill-pulizija mal-arrest tagħhom jidher illi huma ħallsu somma konsiderevoli ta’ flus sabiex irnexxielhom jiksbu il-passaporti foloz mertu ta’ dan il-każ.


F’każijiet bħal dawn kull min jitressaq bl-arrest, jammetti minnufih u l-Qorti imbagħad tgħaddi biex timponi piena karcerarja effettiva, ma tidhirx li qed isservi ta’ ebda deterrent għal min hu iddisprat illi lest li jidħol għal kwalunkwe riskju biex jaħrab mit-tiġrib li jkun jinsab fih.

Il-Qrati jridu neċessarjament iqiesu, meta jiġu biex jerogaw il-piena idonja għal kull każ ippreżentat quddiemhom, illi kemm jista’ jkun ma jkunx hemm repetizzjoni ta’ reati li kull ma jmur qed iżiedu fin-numru tagħhom b’periklu għas-sigurta’ fil-pajjiż, u li organiżazzjonijiet kriminali li jagħmlu qliegħ minn din l-attivita’ illegali ma jitħallewx jimirħu mingħajr ebda rażan u kontroll.

F’dan il-każ il-Qorti qalet li ma tista’ tirriskontra ebda ċirkostanza speċjali u straordinarja li jista’ iwassalha titbiegħed mid-diskrezzjoni eżerċitata mill-Ewwel Qorti u għalhekk timponi piena alternattiva għal dik tal-inkarċerazzjoni, kif qed jippretendu l-appellanti.

Il-fatti indikati fir-rikors ta’l-appell u li jsawwru dan il-każ, ma humiex rispekkjati fl-atti billi ma hemmx l-iċken prova li tikkonferma dak minnhom sottomess, fatti li allura jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Appell tqies jekk f’dan il-każ hemmx dawk iċ-ċirkostanzi li jimmeritaw konsiderazzjonijiet differenti minn dawk magħmula mill-Ewwel Qorti, u dan meta il-piena erogata hija fil-minimu assolut tagħha. Għal dawn il-motivi l-Qorti ċaħdet l-appell u tikkonferma s-sentenza appellat fl-intier tagħha.