Lokali Qorti

Konfermati tmien xhur ħabs wara li xtara passaport falz għal €1,500

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ tmien xhur ħabs fil-konfront ta’ Jessie Pasag ta’ 31 sena mill-Filippini u li f’Malta jgħix il-Fgura. Huwa nstab ħati wara li nqabad fl-ajruport jipprova jsiefer lejn l-Italja b’passaport Portugiż li rriżulta li kien falz u li kien inxtara għall-prezz ta’ €1,500.

Fil-Ewwel Qorti huwa kien qal li ma jaħdimx u ammetta l-akkużi pero appella mis-sentenza għax qal li tmien xhur ħabs hija piena eċċessiva. “F’dan il-każ mhemmx dawk iċ-ċirkostanzi li jimmeritaw konsiderazzjonijiet differenti minn dawk magħmula mill-Ewwel Qorti, qalet l-Imħallef Edwina Grima li sostniet ukoll li l-Ewwel Qorti kienet korretta fid-deċiżjoni tagħha.

Għaldaqstant ċaħdet l-appell u ikkonfermat s-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Elaine Rizzo. Id-difiża ta’ Pasag kienet talbet lill-qorti biex fis-sentenza tikkunsidra li ammetta li żbalja fi stadju bikri, li r-raġel hu missier u li ma kellu ebda intenzjoni ħażina f’li għamel għax kien ilu aktar minn sena jistenna deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati biex il-pożizzjoni tiegħu tiġi regolarizzata u jaħdem.

Id-difiża talbet li tingħata piena minima, il-prosekuzzjoni qalet li dan hu reat serju minn persuna li xtara dokument falz għal €1,500 biex imur btala mal-mara għall-anniversarju. Il-Maġistrat Rizzo kienet qalet li dan hu reat gravi li jimpinġi fuq is-sigurta’ ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li kkonfermat il-Qorti tal-Appell. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters. Għall-akkużat dehret l-Avukat Tiziana Micallef.