Ekonomija Lokali

L-APS jirtira l-interess tiegħu biex jixtri l-bank HSBC Malta

Il-bank APS irtira l-interess tiegħu fl-akkwist tal-bank HSBC Malta. Dan wara li ilu xhur sħaħ jissemma’ bħala offerent potenzjali.

Tard illejla, l-APS ħabbar li b’dispjaċir kien qed jirtira mill-proċess tal-offerti.

S’issa għadu mhux ċar għaliex l-APS irtira minn dan il-proċess. Aktar u aktar meta nies fis-settur kienu qed jaraw dan l-akkwist bħala “xenarju possibbli”.

Eżatt xahar ilu, il-Kap Eżekuttiv stess tal-APS kien stqarr li l-bank hu lest biex jipproċedi għall-istadju li jmiss fit-tranżazzjoni potenzjali biex jikseb il-maġġoranza tal-ishma tal-HSBC. Din it-tranżazzjoni kienet se twassal għall-akkwist ta’ 70% tal-ishma tal-HSBC Bank Malta.