L-għada tal-eliminazzjoni ta’ Real Madrid mill-UEFA Champions League, b’aggregate ta’ 5-1 kontra Arsenal, bdew jiżdiedu l-ispekulazzjonijiet dwar il-futur ta’ Carlo Ancelotti fit-tmexxija teknika tal-klabb Spanjol.
Diversi rapporti fil-media Spanjola qed jindikaw li ċ-ċiklu ta’ Ancelotti mal-Madrilieni wasal fit-tmiemu, u dan jaf ikun l-aħħar staġun tiegħu bħala kowċ ta’ Real Madrid. Il-kuntratt ta’ Ancelotti mal-Ispanjoli jiskadi f’Ġunju tal-2026, iżda l-eliminazzjoni ta’ Real Madrid mill-Kwarti tal-Finali tal-UEFA Champions League, b’riżultati diżappuntanti kontra Arsenal, jafu kienu l-kulminu ta’ kollox u li se jwasslu biex il-kowċ Taljan jibda jipprepara għat-tmiem tiegħu minn kowċ ta’ Real Madrid wara snin ta’ suċċess.
Skont Sky Sports, Ancelotti diġá ħa deċiżjoni dwar il-futur tiegħu u mistenni jħalli lill-klabb wara l-finali tal-Copa del Rey kontra Barcelona, skedata għas-26 ta’ April.
Jekk dan ikun il-każ, allura Real Madrid iridu jagħżlu kowċ suċċessur fl-immedjat għaliex fit-tmiem ta’ dan l-istaġun, huma se jkunu qed jilgħabu fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs, bil-format il-ġdid. Din il-kompetizzjoni se tkun qed tintlagħab fl-Istati Uniti bejn l-14 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju li ġej.
Id-deċiżjoni ta’ Ancelotti li jibqa’ jilgħab b’modulu tattiku offensive ta’ 4-3-3 u transizzjoni difensiva li taqleb għal 4-4-2, tidher ċara li kienet strateġija li falliet f’logħbiet deċiżivi u issa l-kowċ Taljan qed ikun ikkritikat bl-aħrax fuq dan il-fatt.
Ancelloti nnifsu ammetta dan wara l-eliminazzjoni kontra Arsenal, “imqabbel mal-istaġun li għadda, kellna ftit attitudni kollettiva.”

Iżda fl-isfond ta’ dan kollu, Ancelotti u Real Madrid għadhom biċ-ċans li jirbħu La Liga u l-Copa del Rey. Attwalment huma jinsabu erba’ punti taħt il-leaders u rivali tagħhom fi Spanja, Barcelona. Il-Kampjonat għadu jista’ jintrebaħ u jintilef, hekk kif kull tim għad irid jilgħab seba’ konfronti oħra għat-tmiem ta’ La Liga.
Probabilment dak li se jkun qed jiddefinixxi l-futur ta’ Ancelotti ma’ Real Madrid, se jkunu ż-żewġ konfronti li għad iridu jintlagħbu kontra Barcelona. L-ewwel konfront se jkun diġa’ indikattiv għaliex se tkun il-finali tal-Copa del Rey, fis-26 ta’ dan ix-xahar.
It-tieni u l-aħħar konfront għal dan l-istaġun kontra Barcelona, se jkun f’La Liga, nhar il-11 ta’ Mejju. Sa dak in-nhar, il-futur ta’ Ancelotti fit-tmexxija teknika ta’ Real Madrid se jkun żgur deċiż.
Sal-lum l-istorja ta’ Ancelotti ma’ Real Madrid kienet waħda mill-aqwa. Fost l-oħrajn hu mexxa lill-klabb għar-rebħ ta’ tliet darbiet tal-UEFA Champions League u darbtejn La Liga Spanjola.
//= $special ?>