Malta temmew l-impenji tagħhom fi grupp 2 tar-round ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-Futsal 2026 meta ġew megħluba mill-Belarus 4-0.
Malta ħolqu l-ewwel okkażjoni tal-logħba mas-seba’ minuta meta xutt ta’ Maicon ġie milqugħ mill-goalkeeper Petukhov.
Fl-10 minuta, żewġ ċansijiet konsekuttivi tal-Belarus hekk kif Vladislav Selyuk kellu x-xutt tiegħu jispiċċa barra sabiex sekondi wara kien Artem Yakubov li impenja lil Clint Mifsud.
Fil-11-il minuta, Collin Sammut ħa vantaġġ minn kontrattakk veloċi u kellu x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.
Minkejja kollox, kienu l-Belarus li marru minn fuq meta kien Alexandr Umpirovich li rċieva tajjeb mix-xellug u b’xutt fil-baxx għeleb lil Mifsud.
L-istess Umpirovich kellu x-xutt tiegħu milqugħ minn Mifsud fl-14-il minuta b’Aleksei Pinchuk li reġa’ impenja lil Clint Mifsud li kien f’forma mill-aqwa u laqa’ tajjeb.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, Giancarlo Sammut għal Malta kien ferm viċin iżda kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu milqugħ minn Petukhov.
Fit-tieni taqsima, Clint Mifsud baqa’ jkun protagonista meta laqa’ x-xutt ta’ Pinchuk.
Eżatt mat-23 minuta, il-Belarus jagħmluhom 2-0 meta kien Sergei Krikun li wara li ġie ostakolat minn Maicon fit-tieni tentattiv il-ballun reġa’ ġie għandu u eventwalment xeħet ġewwa.
Il-kowċ Gabriel Dobre iddeċieda li joħroġ bil-flying keeper fit-tentattiv li jimponi ċerta pressjoni lejn il-lasti tal-Belarus. Minkejja kollox, din il-mossa ma swiet għal xejn għax Malta qalgħet it-tielet u r-raba’ gowl f’temp ta’ ftit sekondi permezz ta’ Vladislav Selyuk u Dmitri Shimanovski.
Malta ippruvaw jnaqqsu l-marġni tal-iskor fid-29 minuta wara frekick ta’ Maicon li ġie milqugħ tajjeb ferm minn Petukhov.
Ħames minuti minn tmiem il-logħba, Belarus laqtu l-lasta wara xutt ta’ Maksim Baturin.
Ftit wara kien hemm kontrattakk Malti fejn Maicon ra x-xutt tiegħu milqugħ minn Petukhov.
B’hekk Belarus temmew fl-ewwel post tal-grupp b’16-il punt u għalhekk ikkwalifikaw b’mod awtomatiku għall-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni bit-Taljani li se jkunu qed jikkompetu fil-play-offs.
Malta: Clint Mifsud, Celino Alves, Mark Zammit, Maicon, Luke Gatt, Matthias Borg, Michael Borg, Giancarlo Sammut, Luke Anthony Borg, Andre Cachia, Steven Camilleri, Karl Luke Schembri, Amin Louati, Collin Sammut.
Coach: Gabriel Dobre.
Belarus: Artem Petukhov, Vladislav Selyuk, Aleksei Pinchuk, Yuri Dubkov, Dmitri Shimanovski, Aleksei Luksha, Alianksandr Umpirovich, Maksim Evdokimovic, Pavel Rogovic, Artem Yakubov, Sergei Krikun, Maksim Baturin, Dmitri Shvedko.
Coach: Aleksandr Chernik.
Referee 1: Norbert Szilagyi (Ungerija)
Referee 2: Adam Joo (Ungerija)
Referee 3: David Juhasz (Ungerija)
Time-keeper: Stephen Vella (Malta)
//= $special ?>