Lokali Qorti

Mixli li heżżeż u sabbat lil ibnu tarbija mas-sodda

Żagħżugħ ta’ 24 sena wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ akkużi ta’ vjolenza domestika, fosthom li heżżeż lil ibnu ta’ 15-il jum u sabbtu mas-sodda. L-akkużat – residenti l-Belt Valletta kien mixli wkoll li wassal biex bint is-sieħba tiegħu, li rat l-allegat aggressjoni fuq ħuha u ommha, ikollha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha.

Huwa tressaq il-Qorti l-Ħamis u akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil ibnu, li kkaġuna ġrieħi ħfief lis-sieħba tiegħu u li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza fuq il-qraba tagħha. L-ispettur Audrey Micallef qalet lill-Qorti li t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika rċeviet rapport nhar it-Tnejn.

Il-mara, li għandha tewmin tifla u t-tifel vittma mal-akkużat, qalet lill-pulizija li kienu ilhom jargumentaw fuq WhatsApp l-għodwa kollha tal-ġurnata. Huwa mar id-dar tagħha għall-ħabta ta’ nofsinhar. Hija fetħet il-bieb, u hu ħa l-mobajl tagħha wara li ordnalha tħassar xi messaġġi. Il-mara ppruvat tieħdu lura.

Kien dan il-ħin li allegatament ir-raġel qabad lit-tifel ta’ 15-il ġurnata, qabdu u sabbtu fuq is-sodda qabel beżaqlu f’wiċċu u qallu “Jien nobgħodok”. Il-mara ċemplet lil omm ir-raġel u qaltilha li kien qed isawwat lit-tfal. Ċemplet ukoll lil ommha u talbitha ċċempel għall-assistenza tal-pulizija.

L-ispettur tal-pulizija qalet li r-raġel imbagħad qabadha minn xagħarha u sabbatha mal-art, u l-mara qabdet oġġett biex tiddefendi ruħha. Il-mara u t-tifel ta’ 15-il jum spiċċaw l-Isptar Mater Dei għall-kura. L-ispettur informat lill-qorti li l-omm żviluppat uġigħ ta’ ras u bdiet tirremetti.

It-tifel spiċċa jagħmel diversi CT scans u testijiet oħra. Huwa skedat ukoll li jkollu aktar appuntamenti fid-dipartiment tal-outpatients. L-allegata vittma qalet lill-pulizija li tkellmet mal-allegat aggressur u aġġornatu dwar it-tfal waqt li kienet l-isptar “biex iżżommu kalm”.

Il-mara allegatament sostniet li ma marritx id-dar tiekol peress li beżgħet li jmur l-isptar u jagħmel xi waħda. Ir-raġel kien arrestat nhar l-Erbgħa. Wara li ddeskriva ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tar-raġel, l-avukat difensur Mario Mifsud staqsa lill-prosekuzzjoni jekk kinux infurmati li l-allegata vittma kienet it-Turkija biex tagħmel operazzjoni ta’ l-istonku u li l-uġiegħ li kienet ilha tesperjenza kien relatat ma’ dan.

“Le,” wieġbet il-prosekuzzjoni, u żiedet li r-rimettar “mhux sinjal tajjeb”, speċjalment jekk ir-ras kienet milquta. Imbagħad staqsa dwar l-“oġġett” użat mill-allegata vittma biex tiddeffendi lilha nnfisha. “Għandi video tal-inċident. hi qabdet sikkina,” sostna l-Avukat Mifsud.

Iżda qabel ma seta’ jipproċedi aktar, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u l-qorti fakkret lid-difiża li din hija biss l-akkuża u mhux se jidħlu fil-mertu tal-każ fil-preżentata. L-ispettur Micallef osservat li stiednet lill-akkużat diversi drabi biex jagħmel rapport kontriha.

Huwa allegatament qal lill-pulizija waqt l-istqarrija tiegħu li ma jrid iressaq l-ebda rapporti kontra s-sieħba tiegħu, ma jrid jiftaħ l-ebda każ kontriha u li eventwalment hi terġa’ tispiċċa miegħu. L-Avukat Mifsud talab il-libertà proviżorja.

Il-Prosekutur l-Avukat Miriayah Borg f’isem l-AĠ oġġezzjonat billi argumentat li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri ħafna u familjari qrib għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. Żiedet tgħid li kien hemm biża’ li jbagħbas l-evidenza, u kien faċli għall-akkużat jikkomunika mal-mara jew mal-qraba tagħha.

Ġiet enfasizzata wkoll in-natura serja tal-akkużi, bil-prosekuzzjoni żżid li kien hemm il-biża’ li jerġa’ jwettaq l-istess reat. “Mingħajr ebda dubju, l-ispettur għamlet xogħolha b’diliġenza. Madankollu, hemm xi sfond għal dan, u għandi l-evidenza fuq il-mowbajl tiegħi,” qal l-Avukat Mifsud, li reġa’ qal li kien hemm filmat tal-inċident.

L-avukat difensur saħaq li kellu filmat li juri lill-mara bilqiegħda fuq is-sufan b’sikkina f’idejha. Sostna wkoll li l-mara bdiet tgħid li se “titfgħu 15-il ġurnata ħabs biex ma jasalx biex jara l-irxoxt.”. Dr. Mifsud saħaq li l-qorti tista’ timponi curfew u tipprojbixxih milli jmur fir-raħal fejn tgħix. Ommu kienet lesta wkoll tidħol bħala garanti.

“Il-filmat li għandi huwa kruċjali wkoll għal dawn il-proċeduri,” żied Dr. Mifsud. L-Ispettur Micallef qalet li ddubitat mill-istqarrijiet tar-raġel lill-pulizija peress li kien qalilhom li l-mara ħassret il-filmat. “Kif l-avukat kiseb kopja tiegħu? Għadna qed ninvestigaw il-messaġġi li bagħtu lil xulxin,” hija qalet.

Hekk kif komplew jagħmlu s-sottomissjonijiet, ħareġ li waqt l-inċident kienet preżenti waħda mill-bniet tal-mara, li mhix bint l-akkużat. Wara li d-difiża enfasizzat li l-mara ma marritx f’xelter, il-prosekuzzjoni qalet li mhux faċli li jkollok sitt itfal, li tnejn minnhom kienu trabi tat-twelid, imorru f’xelter. “Meta tkellimt magħha wiċċ imb wiċċ, kien ċar li kienet qed tibża minnu,” qalet l-ispettur.

Il-libertà proviżorja kienet miċħuda f’dan l-istadju minħabba l-akkużi serji u l-fatt li xhieda ċivili kienu għad iridu jixhdu. Il-Qorti kkonfermat ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u s-sitt uliedha kif ukoll omm il-mara. Inħarġet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-allegati vittmi u tal-akkużati.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil. L-Avukat tal-AĠ Miriayah Borg mexxiet il-prosekuzzjoni, assistita mill-ispettur Audrey Micallef. L-Avukat Mario Mifsud assista lill-akkużat.