Lokali

“No comment” dwar l-Ambaxxata Amerikana

“I have no comments to make”.

Kienet din ir-risposta tal-Ministru Ian Borg għall-mistoqsijiet ta’ NetNews, b’rabta mar-rapporti li l-Ambaxxata Amerikana jaf tagħlaq il-bibien tagħha f’pajjiżna.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, Reuters, irraportat li Donald Trump irid inaqqas bin-nofs il-budget allokat għall-affarijiet barranin. Fejn kien indikat illi Trump irid jagħlaq 10 ambaxxati minn madwar id-dinja, b’waħda minn dawn l-10 tkun propju dik f’Malta.

Bil-Partit Nazzjonalista jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għal din l-aħbar inkwetanti, hekk kif jekk dan huwa minnu, se jfisser daqqa kbira għall-Gvern u r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati Uniti u pajjiżna.

Madanakollu, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, NetNews bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Ian Borg, dwar il-pożizzjoni tiegħu, jekk din l-aħbar kienitx ikkomunikata mal-Gvern Malti, u jekk hux inkwetat dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-pajjiżi.

Bil-Ministru responsabbli għall-affarijiet barranin jgħidilna biss illi ma għandux kummenti dwar dawn l-iżviluppi.

Fl-aħħar jiem kien tħabbar li l-Ambaxxatriċi Constance Milstein waslet fi tmiem l-avventura tagħha f’Malta u kien proprju d-Deputat tagħha, Ken Toko li assuma l-pożizzjoni tagħha sakemm suppost jinħatar ħaddieħor.

Dan kollu hekk kif Trump jrid jaqta mat-30 biljun dollaru fi spejjeż – b’sorsi qrib l-ambaxxata Amerikana saħqu li t-talba jaf tiġi emendata meta tasal quddiem il-Kungress Amerikan.

Apparti l-ambaxxati li qed jiġu proposti li jingħalqu, inkluż dik ta’ Malta, hemm ukoll konsolati fost oħrajn fil-Korea t’Isfel, fil-Kamerun u l-Indoneżja.