Luke Said
Kandidat PN
L-impenn tiegħi dejjem kien sod: li nipproteġi lil Għawdex u nara li dan ma jinbigħx biċċa biċċa.
Dejjem kont fuq quddiem nett ma’ dawk li rrifjutaw li jħallu lil din il-gżira tinbiegħ biċċa biċċa. Mill-ġlieda għal Kemmuna, kontra l-qerda ppjanata fi Triq ta’ Marsalforn, fid-difiża ta’ Pjazza San Ġorġ, sal-organizzazzjoni tal-akbar avveniment ta’ tindif fuq il-gżira, il-ġlieda għall-konservazzjoni u r-restawr tal-batterija ta’ Qolla l-Bajda u Forti Chambray u l-protezzjoni ta’ bosta siti ODZ u UCA madwar Għawdex. Jien qatt ma ċedejt.
Wirt arkitettoniku
Semmajt leħni għall-preservazzjoni tal-wirt arkitettoniku tagħna – mill-binjiet umli tar-raħħala sal-aħħar Barracks Britanniċi, li jġorru l-istejjer tal-passat tagħna. Permezz tax-xogħol tiegħi ma’ Nadur Nadif, Din l-Art Ħelwa Għawdex, u Għawdix, tgħallimt li l-bidla vera ssir b’kuraġġ u b’umiltà.
Wara tnax-il sena ta’ Gvern Laburista u miljuni minfuqa, Għawdex għadu mingħajr pjan ċar. Wegħdiet kbar u proġetti mhux kompluti ħadu post l-investiment strateġiku. Ħudu l-eżempju tar-raba’ vapur – mixtieq, ħafna, iżda minflok immodernizzajna t-trasport tagħna, qed inħaddmu bastiment antik ta’ 30 sena, li qed iqum madwar €13,000 kuljum (mingħajr il-fjuwil), u li jaħdem biss 8 sigħat kuljum. Għawdxin li jiddependu minnu biex litteralment ikomplu jaqdfu fil-ħajja tagħhom jinsabu fil-ħniena ta’ tmexxija ħażina.
Sensiela ta’ problemi f’Għawdex
U l-problemi ma jiqfux hawn. Il-proġett tal-pixxina u l-gym f’Għawdex, li kellu jkun lest għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023, għadu mhux komplut. Wegħda oħra miksura. Wiegħda oħra, ta’ pjan mifrux fuq seba’ snin (2017 sa 2024) sabiex it-toroq tagħna jiġu rranġati u l-infrastruttra tiġġedded ma jidhirx li ġie mwettaq – hekk kif toroq fil-Qala, in-Nadur, ix-Xagħra, ir-Rabat, ta’ Kerċem u l-Għasri għadhom fi stat ħażin.
Imbagħad hemm is-sistema tal-ilma tat-tieni klassi! Din kienet imwiegħda lill-bdiewa Għawdxin, u li suppost bdiet topera fl-2022. Kull sajf li jgħaddi mingħajrha juri kemm is-servizzi pubbliċi essenzjali qed jiġu injorati.
Iżda xejn ma juri li l-prijoritajiet mhumiex jingħataw lil dawk li suppost huma importanti, daqs is-sitwazzjoni attwali ta’ Pjazza San Ġorġ. L-Awtorità tal-Artijiet injorat il-masterplan oriġinali u mbuttat wieħed ġdid mingħajr konsultazzjoni xierqa.
Issa, immaġina f’każ ta’ emerġenza – persuna f’bżonn kritiku fuq stretcher tipprova tinnaviga pjazza li qatt ma kienet iddisinjata għall-aċċessbiltà! L-ippjanar għandu jaħdem favur in-nies, mhux kontra tagħhom!
Saħansitra l-ħolqien ta’ hub ta’ innovazzjoni, li kellu jattira startups u jrawwem it-talent, sfaxxa bil-kirjiet għoljin. Żgħażagħ b’ideat brillanti jew kellhom jitilqu mill-gżira jew spiċċaw f’appartamenti żgħar, f’tentattiv li jsostnu l-proġetti tagħhom. Dawn l-isfidi komplew jiggravaw minħabba nuqqas ta’ servizzi adegwati.
Għawdex mhux trattat bħal Malta
Malta tgawdi minn dipartiment ta’ tindif u manutenzjoni effiċjenti li juża t-teknoloġija moderna, iżda Għawdex qatt ma gawda l-istess servizzi. Il-fallimenti tal-Awtorità tal-Artijiet, tal-Awtorità tal-Ippjanar u tas-Superintendence of Cultural Heritage emarġinaw l-interessi pubbliċi u storiċi.
Ta’ min ifakkar il-kontroversja dwar il-Barracks Britaniċi f’Fort Chambray – bini li jirrakkonta l-istorja rikka tal-fortizza, b’mod speċjali l-użu estensiv tagħha mill-Ingliżi.
Ironikament, l-istess Superintendence li dan l-aħħar issuġġeriet li l-Barracks Britaninċi tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-Mosta għandhom jiġu protetti, kellha opinjoni kompletament opposta dwar dawk tas-seklu dsatax f’Għawdex.
Minkejja dawn l-isfidi, nibqa’ nemmen fit-tama. Il-futur sostenibbli ta’ Għawdex jiddependi mid-djalogu bejn negozjanti, esperti tat-turiżmu, attivisti ambjentali u l-komunità. Jeħtieġ li ninvestu f’industriji li jistgħu jittrasformaw l-ekonomija u s-soċjetà Għawdxija, bħall-ekoturiżmu, ir-riċerka marittima, u l-konservazzjoni kulturali.
Għalkemm Għawdex jifforma 21% mit-territorju ta’ Malta, jikkontribwixxi biss 4.3% tal-GDP nazzjonali. Dan jista’ jinbidel permezz ta’ investiment intelliġenti. L-opportunitajiet huma reali – imma jeħtieġ viżjoni.
Il-futur tagħna jinsab fl-ispirtu kollaborattiv tal-komunitajiet tagħna. Il-progress ma jiġix minn min jgħajjat l-aktar, iżda minn min jisma’ lil kulħadd. Għawdex jixraqlu pjan li jirrispetta l-wirt tiegħu, jinvesti fil-futur tiegħu u jżomm lil min hu fil-poter responsabbli.
B’azzjoni deċiżiva, inklussiva u infurmata, nistgħu nittrasformaw lil Għawdex f’dak il-post ħaj, sostenibbli u eċċezzjonali li dejjem kellu jkun.
Nistgħu nibnu Għawdex fejn l-innovazzjoni u t-tradizzjoni jimxu id f’id – fejn opportunitajiet ġodda ma jiġux b’detriment għall-art li nħobbu.
Din hija d-dar tagħna. Il-wirt tagħna. Il-futur tagħna. U flimkien, se nfassluh b’kuraġġ, empatija, u determinazzjoni.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ April, 2025.
//= $special ?>