Raġel ta’ 56 sena residenti Marsaskala ingħata ordni ta’ probation għal sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li hedded, beżża lil martu li se tintuża vjolenza kontriha, li kiser il-paċi pubblika u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.
Huwa ammetta li wettaq ir-reat il-Ħamis 10 t’ April 2025 għall-ħabta tas-6.50am. fix-xhur, ġimgħat, ġranet u ħinijiet ta’ qabel dan ġewwa residenza fond f’Marsaskala. Il-vittma qalet lill-Pulizija illi hi u l-akkużat huma miżżewġin – iżda preżentement jinsabu separati u jirrisjedu f’residenzi differenti.
Qalet illi l-akkużat għandu problema ta’ xorb u ta abbuż minn sustanzi illeċiti. Tenniet li dakinhar tal-inċidenti huma ltaqgħu filgħodu għax kellhom xi qadi flimkien u wara marru fir-residenzi rispettivi tagħhom. Ġara li filgħodu huwa diġà kien fis-sakra. Wara nofsinhar huwa mar iħabbat wara biebha iżda hi ma fetħitlux u hu għamel xenata fit-triq u beda jgħajjarha.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-akkużat ammetta r-reati kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u għaldaqstant, fuq l-ammissjoni volontarja u inkondizjonata, l-Qorti m’għandhiex triq oħra ħlief li ssib lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu.
Fir-rigward tal-piena, il-Qorti qalet li tqis li din għalkemm din hija l-ewwel darba li l-akkużat xellef difru mal-ġustizzja hawn Malta, huwa għandu bżonn tal-għajnuna sabiex jegħleb il-problema ta’ abbuż mis-sustanzi u x-xorb u anke sabiex jitgħallem jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu f’mumenti ta’ rabja.
Għalhekk, il-Qorti qalet li hija tqis li l-piena m’għandhiex tkun waħda ta’ inkarċerazzjoni iżda waħda rijabilitattivà. Għal dawn il-motivi, l-Qorti, wara li semgħet l-ammissjoni inkondizzjonata tiegħu, sabet lir-raġel ħati u poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għall-perjodu ta’ sentejn.
Inoltre, l-Qorti ordnat il-ħrug ta’ Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-ħati, liema Ordni ta’ Trattament għandu jkun għall-perjodu ta’ erba’ xhur. Il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem ċar li huwa jifhem x’inhuma l-effetti tal-Ordni ta’ Probation u tad-Digriet mogħti kontestwalment u li jekk jonqos milli jikkonforma ruħu magħha jew jagħmel xi reat ieħor, huwa jista’ jingħata sentenza għar-reat oriġinali, ossija r-reati odjerni minbarra l-piena għar-reati kommessi waqt il-perjodu tal-Ordni.
Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza flimkien mad-Digrieti mogħtija kontestwalment, jingħataw minnufiħ lill-ħati u lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Probation and Parole. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.
//= $special ?>