Zagħżugħ ta’ 22 sena residenti l-Marsa ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li ma ħalliex lill-eks tfajla bi kwieta wara li temmet ir-relazzjoni minn miegħu. Il-ġuvni kien ikun vjolenti magħha, isegwi lit-tfajla kull pass li tagħmel kullimkien – bil-każ tant jeskala li wara biex mar fl-appartament fejn toqgħod omm l-eks tfajla tiegħu u kissrilha l-bieb.
Quddiem il-Maġistrat Victor G. Axiak ħareġ kif spjegat il-Qorti li dan huwa każ ieħor ta’ relazzjoni intima bejn tnejn min-nies li forsi xi darba kienu jinħabbu iżda li spiċċat b’togħma morra peress illi l-imputat assolutament ma jridx jaċċetta l-fatt illi l-ex-sieħba tiegħu ma tridx taf bih iżjed. Din l-istorja bdiet iseħħ bejn l-14 ta’ Diċembru li għadda u fil-ġimgħat ta’ qabel.
Mhux hekk biss. Jidher illi l-imputat apparti illi għal iżjed minn darba kien fiżikament vjolenti mal-ex-sieħba tiegħu u prova jikkontrolla fejn, meta u ma’ min toħroġ. Hui ddeċieda illi jagħmlilha ħajjitha infern billi jsus warajha, jikkaġunalha fastidju u fl-istess ħin biża li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjeta’ tagħha jew kontra l-persuna jew il-proprjeta’ tal-familja tagħha.
Barra minn hekk fit-13 ta’ Diċembru 2024 l-imputat sa’ wasal biex sgassa u kisser il-bieb ta’ barra tal-appartament fejn tirrisjedi ma ommha apparti li għamel l-istess biex jisgassa l-bieb tal-kamra tagħha ġewwa l-istess appartament.
Stima ta’ dawn il-ħsarat jew aħjar ta’ kemm jiġu jiswew żewġ bibien ġodda flimkien mas-serratura u l-firroli, ġiet esebita fil-Qorti, li tindika illi l-ammont ta’ kumpens dovut lill-parti offiż huwa dak ta’ €2,176.56.
Il-Qorti qalet li mġieba bħal din hija waħda li mhux biss tbaxxi d-dinjità tal-vittma iżda inoltre tesponiha għal terrur fil-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant ma tistax ma tiġbidx l-istmerrija tas-soċjetà in ġenerali u tattira l-kundanna ta’ din il-Qorti.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena l-Qorti tqis illi fiċ-ċirkostanzi u ċioe tenut kont l-ammissjoni bikrija fl-ewwel stadju possibbli tal-proċeduri flimkien mal-fatt illi l-imputat għandu fedina penali nadifa, tara illi tkun qed toħloq bilanċ bejn id-dritt tas-soċjeta li tkun protetta mill-aġir bħal dak kommess mill-imputat.
Il-Qorti qalet li minflok piena karċerarja effettiva fuq ammissjoni tiegħu stess tikkundannah għal piena karċerarja ta’ sentejn li qed tiġi sospiża għal żmien erba’ snin. Il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem ċar ir-responsabbilità tiegħu taħt l-artikolu 28B tal-Kap. 9 jekk huwa jikkommetti matul il-perjodu operattiv reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija.
Inoltre l-Qorti ordnat Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-imputat a favur il-vittmi msemmija għal perjodu ta’ tliet snin. Finalment il-Qorti ħarġet ordni li l-vittma (omm it-tfajla) jingħataw is-somma ta’ € 2,176.56ċ. bħala kumpens għad-danni li sofriet, liema somma għandha titħallas fi żmien xahrejn. Il-prosekjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.
//= $special ?>