Internazzjonali

Stati Uniti: Stennija għal-laqgħa bejn Trump u Meloni fi żmien ta’ tensjoni kbira bejn Washington u l-UE

It-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se tkun trattata fid-dettall waqt sensiela ta’ taħditiet bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni….Dan meta Meloni hi l-aktar mexxejja minn fost il-kapijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li għandha relazzjonijiet tajbin mal-White House u meta għandha wkoll relazzjonijiet personali mill-aqwa ma’ Trump kif ukoll ma’ Elon Musk li jmexxi lid-Dipartiment Amerikan li jaċċerta l-funzjoni ta’ gvern aktar effiċjenti.

Iżda minkejja l-intenzjonijiet tajbin ta’ Meloni,  il-mod kif hi titratta ma’ Trump jista’ anki jurta lil xi Mexxejja Ewropej oħrajn li jemmnu li l-Ewropa mgħandhiex iċċedi lil Trump fil-kwistjoni tat-tariffi…..Naraw fis-servizz…

Fost is-suġġetti ewlenin tal-laqgħa fil-White House ( li se tibda dalwaqt) ma jistax jonqos li jkunu indirizzati r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Istati Uniti mal-Ewropa.

Dan meta l-Unjoni Ewropea qed tħejji biex twieġeb għat-tariffi ta’ 20 fil-mija fil-konfront tagħha u li Trump kien iddikjara jiem ilu. Intant wieħed, għalissa, irid jistenna għal aktar direttivi deċiżivi mis-sede tal-poter f’Washington.

Fil-fatt, Giorgia Meloni hi l-ewwel fost il-Mexxejja tal-Ewropa li marret f’Washington biex tiltaqa’ esklussivament ma’ Trump mindu t-tariffi għall-Ewropa kienu tħabbru aktar kmieni dan ix-xahar.

Sadanittant, hu wkoll sinifikanti li t-tariffa ta’ 20 fil-mija tinsab iffriżata għal 90 jum u f’liema perjodu, mistenni li l-Ewropa u l-Istati Uniti jkollhom biżżejjed ċans biex jinnegozjaw tmiem għall-kriżi.

L-osservaturi qed jgħidu li Giorgia Meloni x’aktarx hi fl-aħjar pożizzjoni minn fost il-Mexxejja kollha tal-Ewropa biex titkellem ċar u bl-aktar mod skjett ma’ Trump li hu ossessjonat bil-politika tat-tariffi….Politika li qed taqleb ta’ taħt fuq is-sistemi stabbiliti għall-attivitajiet ekonomiċi fuq bażi internazzjonali u b’mod partikulari s-sistemi għall-importazzjoni u esportazzjoni tal-prodotti.

Fl-istess ħin, hu wkoll sinifikanti li l-Prim Ministru tal-Italja kienet l-uniku waħda fost il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li attendiet l-inawgurazzjoni ta’ Trump bħala President, aktar kmieni din is-sena.

Intant, l-uffiċjali fl-Amministrazzjoni Amerikana, fl-aħħar sigħat, ma kummentawx dwar il-potenzjal li l-laqgħa bejn Meloni u Trump twitti t-triq għal ftehim kummerċjali speċifiku bejn Washington u l-Ewropa. Fil-fatt, dawn l-uffiċjali spjegaw li l-laqgħa tallum kienet ippjanata sa minn ħafna qabel ma’ Trump introduċa l-aħħar tariffi.

Fl-aħħar sigħat kien hemm anki l-kritika għaż-żjara ta’ Meloni fl-Istati Uniti.

Dan meta  Riccardo Alcaro, tal-Istitut Taljan għall-Affarijiet Internazzjonali f’Ruma. enfasizza li Giorgia Meloni kienet dejjem tal-fehma li l-Ewropa mgħandhiex tieħu deċiżjonijiet politiċi li jwasslu għal diżgwid mal-Istati Uinti. F’dan il-każ, Alcaro spjega li, fil-fehma ta’ Meloni, l-Ewropa għandha taddotta għal dak kolluy li tiddetta l-Istati Uniti aktar milli tirreżisti għall-politika li ma tkunx fl-aħjar interessi tal-kontinent.

L-analista qal ukoll li l-Prim Ministru tal-Italja taħseb li l-importanza tal-Punent għad-dinja hi dovuta kollha kemm hi għall-Istati Uniti u li l-Punent mhu xejn mingħajr l-impenn u l-politika ġenerali ta’ Washington, U Alcaro, fl-istess ħin, tenna li minkejja li l-Italja għadha u se tibqa’ parti attiva tal-Unjoni Ewrepea mill-aspett strateġiku, politiku u ekonomiku, il-Prim Ministru Meloni hi wkoll viċin ħafna tar-Repubblikani ta’ Trump,

Intant, l-aktar punt ċar li mistenni joħroġ mit-taħditiet f’Washington għandu jinvolvi l-insistenza tal-President Amerikan biex l-Italja tonfoq aktar fuq id-difiża….Dan bħala parti mill-pressjoni li l-Gvern ta’ Trump qed iwettaq fuq il-pajjiżi kollha li jiffurmaw parti mill-Alleanza tan-NATO u meta Washington qed jinsisti li mhux se jagħmel tajjeb aktar għan-nuqqas ta’ finanzjament mill-pajjiżi oħrajn għall-istess Alleanza.