Fil-kantina tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae, fi Triq is-Santwarju f’Ħaż-Żabbar, tniediet wirja artistika dedikata għaż-Żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Din il-wirja tinkludi diversi platti artistiċi magħmulin minn ingredjenti bħal fażola, ross ikkulurit u simid – kollha maħduma bl-id minn membri u voluntiera tas-Soċjetà.
Fost l-artisti li ħadmu fuq il-wirja hemm Martin Busuttil, Mario Aquilina, Keona Aquilina, Ritienne Xuereb, Etienne Calleja, Aidan Bonnici u Marco Fenech. Il-wirja tinkludi żewġ kmamar: waħda li tirrappreżenta ċ-Ċenaklu, u oħra li turi l-preparazzjoni tal-ikla, b’kantina ġdida li fiha mejda simbolika tal-Appostli.
Din is-Soċjetà hija wkoll magħrufa li kisbet żewġ rekords nazzjonali: fl-2014 inħadem l-akbar kwadru minn persuna waħda – il-President tas-Soċjetà, Mario Aquilina – u fl-2019 inkiseb rekord ieħor b’total ta’ 24,066 fażola mqiegħda b’disinn simetriku fuq il-burdura tal-mejda, maħduma minn Martin Busuttil, membru fil-kummissjoni żgħażagħ.
Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja sas-Sibt il-Għid. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma:
L-Erbgħa 16 t’April: 18:00 – 21:00
Il-Ħamis ix-Xirka: 18:00 – 00:00
Il-Ġimgħa l-Kbira u s-Sibt il-Għid: 09:00 – 12:00
//= $special ?>