Sport

Brian Cini jirbaħ l-ewwel IZIBET Elite Athlete Award għas-sena 2025

National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports ħabbru li Brian Cini rebaħ l-ewwel unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Jannar u Frar.

Brian Cini li għandu 28 sena, ġie runner-up fl-IBSF World Snooker Championships li saru fil-Marokk, wara li fil-finali ġie megħlub miż-żagħżugħ Ċiniż Yang Gao 5-3.

Gao rebaħ l-ewwel frame, iżda Cini baqa’ ffukat u rebaħ iż-żewġ frames konsekuttivi b’total ta’ 67 u 78 punt rispettivament. Min-naħa tiegħu Gao rebaħ ir-raba’ frame u b’hekk marru għall-intervall f’parità ta’ 2-2. Iż-żewġ plejers baqgħu juru livell għoli ta’ logħob iżda Gao li għad għandu 20 sena rebaħ l-aħħar żewġ frames. B’din ir-rebħa Yang Gao se jkollu d-dritt li jilgħab bħala plejer professjonali fil-World Snooker Tour. Min-naħa l-oħra Brian Cini bħala runner-up seta’ jieħu sehem fil-Kwalifiki għall-Kampjonati Dinjija li saru f’Sheffield, l-Ingilterra, aktar kmieni dan ix-xahar.

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Clinton Buhagiar qal, “Brian huwa wieħed mill-aqwa atleti li għandna fil-mument. Huwa eżempju ċar ta’ determinazzjoni, professjonalità u perseveranza. Li wasal sal-finali f’dawn il-kampjonati huwa xhieda ta’ kemm Brian jieħu bis-serjeta t-taħriġ tiegħu. M’għandix dubju li dwar Brian se nkomplu nisimgħu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.