Il-komunità nisranija madwar id-dinja kollha fakkret il-jum solenni tal-Ġimgħa l-Kbira; jum li fih id-devoti jfakkru l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu. Din il-festa twassal lill-Knisja Kattolika għall-akbar Festa tagħna l-Insara – Jum l-Għid il-Kbir.
Mat-tokki tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, bdiet il-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib li tmexxiet mill-Arcisqof Charles Scicluna.
Matul din il-funzjoni li tibda fil-ħin meta jingħad li miet Ġesù, l-Insara miġbura fil-Knisja mdallma jfakkru r-rakkont tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesu, filwaqt li jaduraw l-Għuda tas-Salib.
L-Arċisqof waqt l-omelija talab lil poplu sabiex bħalma l-Mulej reħa ruħu f’idejn Alla, aħna l-fidili nitolbu l’ Alla sabiex jeħilsna mit-tentazzjoni – tentazzjoni li aħna nqisu lilna nfusna s-sid tal-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħna nfusna.
Il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tqassmet fi tliet partijiet… il-liturġija tal-kelma, it-talbiet tal-komunità u l-bews tas-salib.
Din il-funzjoni ssir ftit siegħat qabel ma jibdew il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f’diversi rħula differenti f’Malta u Għawdex.
L-insara Maltin għal sena oħra segwew it-tradizzjonijiet marbuta ma’ dan il-jum. Bil-Ġimgħa l-Kbira tibqa’ ġurnata ta’ riflessjoni għall-fidili Insara.