Il-grupp tal-militanti Palestinjani Ħamas ċaħad formalment l-aħħar offerta għal waqfien mill-ġlied min-naħa ta’ Iżrael….Dan waqt li kelliema għall-grupp qalu li lesti biex jinnegozjaw ‘minnufih’ ftehim li jaċċerta l-ħelsien tal-ostaġġi kollha miżmuma mill-istess militanti u bil-patt li l-Iżraeljani jwaqqfu din il-gwerra filwaqt li jeħilsu kwantità ta’ Palestinjani mill-ħabs.
In-negozjatur ewlieni tal-Ħamas, Khalil al-Hayya, sostna li l-grupp tiegħu mhux se jaċċetta xi forom ta’ ftehim parzjali li jservu biss l-aġenda politika tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.
Fil-preżent, il-Ħamas qed iżomm madwar 60 ostaġġ Iżraeljani – għalkemm mifhum li nofshom biss għadhom ħajjin mindu huma kienu nħatfu minn Iżrael, f’Ottubru tal-2023. U l-aħħar offerta ta’ Iżrael lill-Ħamas ibbażat fuq waqfien mill-ġlied effettiv għal 45 jum u fost l-insistenza biex it-terroristi Palestinjani jeħilsu talanqas għaxra minn fost l-ostaġġi li fadal.
Il-Ħamas, iżda, qal li mhux se jaċċetta ftehim fil-mod (attwali) kif inhu preżentat minn Iżrael u li jirrifletti t-tkomplija ta’ ‘kampanja li tesiġi għall-qerda tal-poplu Palestinjan’.
Intant, numru ta’ radikali fil-Gvern Iżraeljan – fosthom il-Ministru tal-Finanzi Bezalel Smotrich — qed jinsistu biex l-Armata żżid il-qilla tal-offensiva militari fuq il-Ħamas u biex ‘hi tagħmel il-ħajja infern għat-terroristi bażati fil-Medda ta’ Gaza’.
//= $special ?>