Il-Knisja Kattolika llum qed tfakkar il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. U kif inhi t-tradizzjoni, dalgħodu jissuktaw il-viżti fil-knejjes madwar Malta u Għawdex.
Illum, il-funzjoni msejħa Azzjoni Liturġika, issir waranofsinhar għall-3pm.
Hija liturġija sempliċi ħafna iżda drammatika, imqassma fi tliet taqsimet. Iċ-ċelebrant jidħol fis-skiet u fid-dlam u jimtedd minn tulu fl-art; mill-ewwel, imbagħad, jibda l-qari tal-Kelma ta’ Alla: l-ewwel silta mill-profeta Iżaija, siltiet minn Salm 30, silta mill-Ittra lil-Lhud u r-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann.
Wara l-omelija jsiru għaxar talbiet għal kategoriji differenti ta’ nies. Is-salib mbagħad jinġieb u jintwera lill-poplu li għal tliet darbiet jinżel għarkupptejh quddiemu għax huwa l-għuda li fuqha ġie msammar is-Salvatur tad-dinja. Imbagħad, kulħadd iqim is-salib b’mod individwali.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, b’niket kbir, il-Knisja tiċċaħħad miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Kien il-Papa Piju XII li fl-1956 daħħal it-tqarbin fl-Azzjoni Liturġika, bl-ostji kkonsagrati li jifdal miċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija. L-Azzjoni Liturġika tal-Ġimgħa l-Kbira ma tibdix bir-radd tas-salib u lanqas tintemm bil-barka taċ-ċelebrant.
//= $special ?>