Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, JD Vance, jinsab Ruma għal laqgħat fil-Vatikan u mal-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, li rritornat miż-żjara li għamlet il-Ħamis fl-Istati Uniti.
Mhux mistenni li Vance jiltaqa’ wkoll mal-Papa Franġisku, li, min-naħa tiegħu, ikkritika bl-aħrax il-pjani tal-Gvern Amerikan biex jiddeporta massa ta’ immigranti fi kwistjoni ta’ ġimgħat.
Mill-banda l-oħra, Giorgia Meloni – li qed tippromwovi lilha nnfisha bħala punt ta’ riferiment għall-Istati Uniti u l-Ewropa — qalgħet it-tifħir tal-President Amerikan Donald Trump għall-politika inflessibbli tagħha rigward l-immigrazzjoni lejn pajjiżha. Tifħir li spikka waqt il-laqgħa ta’ bejniethom li saret nhar il-Ħamis fl-Oval Office tal-White House.
Intant, JD Vance kien ukoll preżenti għal-laqgħa fl-Oval Office u meta hu qed jiltaqa’ mill-ġdid ma’ Meloni bħala parti mill-programm tallum. Fl-istess ħin, il-Viċi-President Amerikan irid jattendi għal diversi avvenimenti fil-Vatikan u li jinkludu laqgħa ‘sinifikanti’ mal-Kardinal Pietro Parolin, bħala s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.
Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku, bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika, għadu jopponi għad-deportazzjonijiet tal-immigranti mill-Istati Uniti bħala proċess li jiċħad lil dawn in-nies mid-dinjità tagħhom bħala bnedmin.
Il-Papa anki bagħat ittra lill-Isqfijiet Amerikani fejn, fost oħrajn, wieġeb direttament lil JD Vance wara li l-Viċi-President tal-Istati Uniti tenna li ‘id-duttrina tal-Kattoliċi wkoll tiġġustifika l-politika (ta’ pajjiżu) għad-deportazzjonijiet’.
//= $special ?>