Opinjoni

Qassisin u Politika

F’Ħamis ix-Xirka wieħed ma jistax ma jaħsibx fix-xirka ta’ dixxipli li segwew lil Ġesù ta’ Nazaret. Id-dixxendenti ewlenin tad-dixxipli huma l-qassisin. Dawn għandhom rwol diffiċli fid-dinja tal-lum, post-Kristjana.

minn Mark A. Sammut Sassi

Ħsibijiet għal Ħamis ix-Xirka

F’Ħamis ix-Xirka wieħed ma jistax ma jaħsibx fix-xirka ta’ dixxipli li segwew lil Ġesù ta’ Nazaret. Id-dixxendenti ewlenin tad-dixxipli huma l-qassisin. Dawn għandhom rwol diffiċli fid-dinja tal-lum, post-Kristjana.

Post-Kristjaneżmu

Hemm differenza kbira bejn il-fidi u r-reliġjon.

Il-fidi hi l-esperjenza, personali ħafna, ta’ bniedem mad-Divinità. Il-fidi, kif nifhimha jien, hi dak li qal Ġesù nnifsu: “Fejn tnejn jew tlieta miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” Anki tnejn biżżejjed għall-esperjenza tad-Divin: il-fidi hi privata. Ir-reliġjon, iżda, hi pubblika – hi magħmula mir-riti u r-ritwali, u l-purċissjonijiet u dawk l-espressjonijiet kollha pubbliċi tal-fidi.

Il-festi tal-Għid huma manifestazzjoni pubblika tal-fidi. Imma wkoll, b’xi mod, manifestazzjoni tal-qawwa tal-Knisja u tal-“impjegati” tagħha fis-soċjetà. Dil-qawwa maż-żmien iddgħajfet, għax id-dinja saret post-Kristjana, jiġifieri daħlet f’epoka ta’ wara l-Kristjaneżmu. Fid-dinja tal-lum, dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, jiddeċidih l-Istat, mhux aktar il-Knisja.

Dil-bidla ma seħħitx f’salt. Seħħet bil-mod, bħal meta jibjadlek xagħrek – jibda jibjad ftit ftit. Jew bħal meta kankru jinfirex mal-ġisem…

Ma jfissirx li mietet il-fidi f’Ġesù bħala Feddej, jew f’Ġesù bħala għalliem tas-Sewwa. Li mietet hi l-idea li Alla għandu post fis-soċjetà. Minflok Alla bħala x-xemx li miegħu jduru l-pjaneti differenti tas-soċjetà, illum bħala x-xemx f’dis-sistema solari hemm l-Istat (fuq livell politiku) u l-Individwu (fuq livell filosofiku).

Mentri sekli ilu, il-ħajja tal-komunità kienet triq li twassal għas-salvazzjoni tar-ruħ (permezz tal-mewt u l-qawmien minnha ta’ Ġesù) fid-dinja ta’ wara l-mewt, biż-żmien il-ħajja tal-komunità saret il-bosta toroq li jimxi matul l-individwu biex isib il-hena f’did-dinja.

Ma jfissirx li l-qassisin m’għadx għandhom rwol

Ir-rwol tal-qassisin inbidel, għax id-dinja nbidlet.

Illum irid ikollhom kuraġġ ferm aktar minn żminijiet oħrajn. Il-qassis tal-lum irid, aktar minn qatt qabel, iżomm lil hinn mill-eżempju ta’ Don Abbondio u joqrob kemm jiflaħ lejn l-eżempju ta’ Dun Maximilian Kolbe.

Don Abbondio hu personaġġ fir-rumanz I Promessi Sposi, ta’ Alessandro Manzoni. Kien jibża’ minn dellu u jqis lilu nnifsu ġarra tal-fuħħar gost ħafna ġarar tal-ħadid. U allura kien ibaxxi rasu għall-poter.

Mill-banda l-oħra, Kolbe (bniedem li verament għex, mhux bħal Don Abbondio li kien personaġġ f’ruman) kien qassis qalbieni. Meta n-Nazisti invadew lil artu, il-Polonja, safa’ arrestat u mixħut fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz. Hemmhekk, fl-14 ta’ Awwissu 1941, offra li jmut flok raġel jismu Franciszek Gajowniczek.

Ma rridx ninftiehem ħażin. M’iniex ngħid li l-qassisin għandhom joffru li jmutu fiżikament. Imma f’dinja post-Kristjana, irid jagħżlu t-triq tal-kuraġġ u l-qlubija. Xi mkien f’San Luqa hemm miktub li “Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha”. Jien naħseb li dan għandu jkun il-motto tal-qassisin fid-dinja post-Kristjana. Mhux fis-sens li litteralment jitilfu ħajjithom, imma fis-sens li jitilfu l-ħajja konvenzjonali, konformista, maħkuma mill-biża’, u jfittxu l-ħajja li timxi mat-tagħlim ta’ Ġesù u allura tal-kuraġġ.

“La tibżgħux”

Hekk kien jinsisti forsi l-akbar Papa tas-seklu 20, Pollakk ieħor, Karol Wojtyla, Ġwann Pawlu II (il-Kbir).

“La tibżgħux” – jiġifieri, kunu qalbenin. Wara kollox dak hu l-eżempju ta’ Ġesù waqt il-passjoni tiegħu: il-qlubija. Ġesù beża’ – u għereq l-għaraq tad-demm – imma mbagħad baxxa rasu għar-rieda ta’ Missieru u ta ħajtu mhux biex isalva hu (għax hu ma kellux bżonn isalva) imma biex isalva lill-umanità, lill-ulied l-oħrajn kollha ta’ Alla.

Dan l-eżempju ta’ Ġesù hu l-eżempju għall-qassisin fid-dinja post-Kristjana. Ma jridux jibżgħu u jridu jfakkru, kontinwament, lil kulħadd x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Il-kelma ta’ raġel li jgħix ħajja pija hi kelma ta’ piż kbir: biss biss, għandna niftakru li sar studju xjentifiku fl-Italja li juri li kulfejn iżur il-Papa, tonqos drastikament ir-rata tal-abort għal xi sitt xhur wara ż-żjara. It-turija ta’ kuraġġ tagħti kuraġġ lil kulħadd.

Il-Kostituzzjoni tagħna

Malta pajjiż bizzarr. F’liema sens?

Fil-bqija tal-pajjiżi tal-Ewropa hu l-Istat li jgħallem x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin – ngħidu aħna, il-Franċiżi taħt it-tmexxija ta’ dal-President (li m’iniex se nuża l-aġġettiv li għandi aptit nuża dwaru) iddeċidew li l-abort hu jedd fundamentali tal-bniedem! F’Malta, il-Kostituzzjoni tgħid li hi l-Knisja li għandha d-dover tgħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.

Din hi ħaġa pożittiva ħafna. Avolja hi relitt mill-passat, meta l-Istat kien għadu teneru u għadu qed jikber, u l-Knisja kellha rwol ta’ saħħa kbira fit-tmexxija tas-soċjetà.

Meta fl-2008 ħriġt ktieb mal-mibki Giuseppe Mifsud Bonnici, dwar dan tkellem il-Professur tal-Filosofija tad-Dritt. Mifsud Bonnici kien konxju mill-qawwa li kiseb l-Istat a skapitu tal-Knisja. U dan kien jippreokkupah, għax kien ifisser li r-rieda ta’ żewġ terzi mid-deputati fil-Parlament setgħet tiddetta x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Mentri hu kien tal-fehma li t-Tajjeb u l-Ħażin niskopru x’inhuma mill-Vanġeli. U kien tal-fehma wkoll li l-Vanġeli huma dejjem frott ir-Raġuni.

Għajbien il-Punent wara l-għoljiet tal-Istorja

Imma rrid nagħlaq billi nħares lejn il-Punent, dan il-Punent post-Kristjan li qed ngħixu fih.

Intellettwali ta’ żmienna li jogħġobni ħafna hu l-Franċiż Emmanuel Todd li sentejn ilu ħareġ ktieb jismu La Défaite de l’Occident (L-Iskonfitta tal-Punent). Todd hu tal-fehma li s-sekolarizzazzjoni qasmet u dgħajfet lis-soċjetajiet tal-Punent.

Forsi għandu raġun.

Forsi hu minnu l-individwaliżmu esaġerat li twieled u kiber hekk kif għotor u għoddu miet il-Kristjaneżmu wassal biex il-Punent jaqbad it-triq tan-niżla u qatt ma jerġa’ lura minnha.

Il-ħġejjeġ tat-taqlib politiku li issa qabbad Trump u l-ħatab li l-Ewropej qed ikomplu jitfgħu f’dan-nar se jkunu l-mezz li bih inkunu nafu jekk hux dan id-destin li qed jistenniena.

Forsi, wara kollox, il-Papa Benedittu XVI kellu raġun, fil-bosta stediniet li għamel lill-politiċi u lill-fidili. Imma d-dinja post-Kristjana warrbitu, għax ta’ spiss jiġri li l-kliem tas-sewwa jnaffar u l-kliem tal-ħlewwa jiġbed lejh, bħalma t-tfal jippreferu ċ-ċikkulajjet mil-laħam u l-ħaxix. U l-Punent, li mingħalih kiber għax ċeda t-tron tal-poter lill-Individwu, jaf isib li baqa’ tfal.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 17 ta’ April, 2025.