Il-Kap tat-Taqsima Sports ta’ Net Media, Christian Micallef għażel li jipproduċi kontenut interessanti u b’differenza, u jħares lejn il-Malta Premier, issa li riesaq lejn it-tmiem tiegħu, minn aspett ta’ klassifika differenti. Tinkwetax xejn kontroversjali din id-darba, iżda klassifika dwar min kellu l-aktar konklużżjonijiet fl-attakk li ħabtu mal-lasta.
Normalment matul l-istaġun tal-futbol lokali, anzi kontinwament nitkelmu dwar klassifika waħda, dik tal-punti. Iżda f’staġun b’format ta’ Kampjonat fejn għadna mhux waħda iżda diversi klassifiċi, minħabba t-tip ta’ format li tnieda mill-Malta Premier dan l-istaġun. u li niddubitaw jekk teżistix persuna waħda li kapaċi twiegeb għal kwalunkwé mistoqsija dwar il-Kampjonat mingħajr il-ħtieġa li tikkonferma l-informazzjoni għax ma tkunx mija fil-mija ċerta, għażilna li nkomplu nżidu aktar klassifiċi, iżda mhux biex inħabblu l-imħuħ tagħkom, imma għax huma interessanti u jnisslu kurżita.
L-istaġun li għadda, f’Kampjonat sħiħ, Hibernians kellhom tmien xuttijiet minn total ta’ 263 tentattiv li kkonkludew fl-attakk, fejn il-ballun ħabat mal-minduda jew mal-wieqfa.
Dan l-ammont kien mifrux fuq 26 partita. Dan l-istaġun, it-timijiet fil-Malta Premier se jkunu lagħbu aktar partiti, u s’issa diġa’ qabżu l-kwota ta’ logħob li lagħbu f’staġun sħiħ fl-2023/24. Wara 29 logħba mill-bidu tal-Kampjonat, Hibernians ta’ Branko Nisevic hu l-aktar tim mit-tnax tal-Malta Premier, fejn kellu konklużżjonijiet li ħabtu mal-lasta, b’total ta’ 11-il xutt minn total sħiħ ta’ xuttijiet li kellhom s’issa fl-attakk ta’ 350 tentattiv fl-attakk.

Statistika interessanti u li tnissel kurżitá miġbura minn Replay
Erba’ plejers mill-iskwadra Pawlista laqtu l-lasta opposta darbtejn. Dawn huma, Lucas Villela (b’xutt minnhom wara li ħabat mal-wieqfa spiċċa fix-xibka), Federico Falcone, Jurgen Degabriele u l-eks plejer tagħhom, li lagħab ma’ Hibernians sa Jannar, il-Grieg, Giannis Bastianos.
It-tliet plejers l-oħra ta’ Hibernians li kellhom konklużżjoni matul dan il-Kampjonat li ħabtet mal-lasta huma Alex Bruno, Kurt Shaw u Khevin Fraga.

L-attakkant ta’ Hibernians, Lucas Villela li hu wieħed mill-erba’ plejers fl-iskwadra ta’ Branko Nisevic dan l-istaġun li s’issa ħabtilhom ballun mal-lasta darbtejn
Iċ-champions Ħamrun Spartans, attwalment jinsabu t-tieni f’din il-klassifika, fejn kellhom disa’ okkazzjonijiet fejn xutt tagħhom fl-attakk ħabat mal-lasta opposta. B’kollox, wara 29 partita, Ħamrun Spartans kellhom 318 xutt lejn il-lasta.
It-tim mit-12 tal-Malta Premier, bl-anqas ‘sfortuna’ fejn kellhom xuttijiet li ħabtu mal-lasta avversarja, s’issa huma Mosta, b’total ta’ tliet lasti minn total sħiħ ta’ xuttijiet fl-attakk dan l-istaġun li s’issa jammonta għal 337 xutt.
Fil-klassifika individwali tal-plejers li kellhom l-akbar ammont ta’ xuttijiet li ħabtu mal-lasta avversarja, fl-ewwel post insibu ħames plejers ta’ ħames klabbs differenti li kollha kemm huma kellhom tliet xuttijiet kull wieħed li ħabtu mal-lasta.
Dawn huma taż-żagħżugħ ta’ 21 sena li jilgħab ma’ Naxxar Lions Neil Micallef, Franklin Sasere ta’ Floriana, Wescley ta’ Sliema Wanderers, iż-żagħżugħ ta’ Melita li għad għandu 20 sena, Jesus Andres Yepez Morlets (b’xutt minnhom, mir-rebound kien konkluż fix-xibka minn sieħbu fit-tim) u Raphael Lopes ta’ Ħamrun Spartans.
//= $special ?>