Internazzjonali

Ukrajna-Russja: L-Istati Uniti tista’ twarrab bħala medjatur mingħajr sinjali ta’ progress lejn il-paċi

L-Istati Uniti għandha ‘taħsel idejha’ minn kwalunkwe impenn bħala medjatur jekk, sa ftit jiem oħra, ma jidhrux sinjali ċari li r-Russja u l-Ukrajna jistgħu jaslu għal waqfien mill-ġlied. Dan meta s-sitwazzjoni tibqa’ ferm imprevedibbli u meta l-gwerra fl-Ukrajna issa daħlet sew fir-raba’ sena tagħha.

Sadanittant — u minkejja l-pressjoni u l-arja ta’ frustrazzjoni min-naħa ta’ Washington — jibqa’ il-fatt li l-Istati Uniti għadha s’issa qed iżżomm lura milli tipprovdi l-garanziji tas-sigurtà formali li qed titlob l-Ukrajna…Pajjiż li ilu dawn is-snin kollha jiddefendi s-sovranità u l-indipendenza tiegħu quddiem il-Magna tal-Gwerra ta’ Moska.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Macro Rubio, għamilha ċara li, minkejja l-isforzi kollha ta’ pajjiżu biex iwassal għal waqfien mill-ġlied, ‘ħadd ma għandu jistenna li l-Istati Uniti se tkompli toffri s-servizzi bħala medjatur għal ġimgħat u xhur konsekuttivi’. Rubio enfasizza wkoll li pajjiżu għandu ħafna aktar issues li jeħtieġ jikkonċentra fuqhom minbarra l-kwistjoni tal-Ukrajna

Fil-preżent, ir-Russja – li l-qawwiet tagħha invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022 – qed tidher inflessibbli fid-domandi tagħha…Dan meta l-Kremlin anki qed jimponi sensiela ta’ kundizzjonijiet biex, forsi, jikkunsidra tassew forma ta’ ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna.

U f’din is-sitwazzjoni, l-Istati Uniti qed twaħħal fir-Russja u daqstant ieħor l-Ukrajna għall-fatt li l-impenji ta’ medjazzjoni minn Washington ma wasslux għar-riżultat li kien qed jittama fih il-President Amerikan Donald Trump. Dan minkejja l-istqarrijiet mimlijin fiduċja minn Washington fis-sens li l-Amerikani kienu se jwasslu malajr għal arranġament sodisfaċenti li, ‘il quddiem, suppost li jwassal għal forma ta’ paċi konkreta.

Is-Segretarju Rubio, issa, qal li qed jidher ċar li jkun diffiċli biex ir-Russja u l-Ukrajna jilħqu ftehim għall-paċi u fost sinjali li l-kumbattimenti jistgħu jkomplu għat-tul taż-żmien. Madankollu, hu qed jittama xorta f’xi ‘sinjali’ li dawn il-pajjiżi qegħdin jieħdu l-passi ġenwini biex jirrealizzaw it-tragward.

Marco Rubio qal dan il-kliem wara laqgħa li kellu mal-Mexxejja tal-Eweropa f’Pariġi… Iżda l-iżviluppi diplomatiċi u ċ-ċirkustanzi tal-gwerra qed juru dejjem aktar li l-wiegħda ta’ Donald Trump biex jirrealizza l-paċi waqt l-ewwel ftit jiem tal-Presidenza tiegħu ma bbażatax fuq il-vera sitwazzjoni fl-artijiet tal-Ukreni.