Opinjoni

Whose broad stripes and bright stars

minn Angelo Micallef

Sa mit-tieni gwerra dinjija ’l hawn l-Istati Uniti, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, kienet meqjusa bħala forza demokratika mill-aktar b’saħħitha. Ħafna kienu dawk li kienu jħarsu lejn l-Istati Uniti bħala dik il-forza globali li timbotta fuq livell globali favur id-demokrazija; anke jekk kien hemm numru ta’ inċidenti kontroversjali li bħal donnu wrew ċertu sens ta’ inkonsistenza xi kultant. Ħafna kienu dawk li kienu jużaw l-Istati Uniti bħala riga biex wieħed ikejjel il-libertà, id-demokrazija u l-espressjoni ħielsa.

Tul is-snin kien hemm bosta Presidenti, Repubblikani u Demokratiċi, li wieħed seta’ jaqbel ħafna jew jaqbel ftit li xejn magħhom imma li qatt ma kien hemm ebda ombra ta’ dubju dwar jekk kellhomx rispett lejn id-demokrazija Amerikana. Dan ma jfissirx li ma ħadux żbalji jew li m’għamlux deċiżjonijiet ħżiena xi kultant imma mingħajr ebda dubju ta’ xejn ma ħadux deċiżjonijiet li b’xi mod qiegħdu f’periklu manifest id-demokrazija nnifisha jew li b’xi mod naqqru mis-sisien tal-espressjoni ħielsa.

It-theddid ta’ Trump

F’temp ta’ tliet xhur il-President attwali Trump hedded fost l-akbar ditti ta’ avukati fl-Istati Uniti, hedded lill-istazzjonijiet CBS u NBC, hedded lill-akbar universitajiet fl-Istati Uniti fosthom l-università ta’ Harvard u hedded lil kull ġurnalist li mhux lest jintefa’ jinċensa dak kollu li jgħid u jagħmel Trump.

Ħa nkunu ċari, mhijiex l-ewwel darba li President Amerikan kellu argument jaħraq imma forsi hija rarità assoluta li f’temp hekk qasir President jasal juża l-arma tas-saħħa politika tiegħu kontra dak li hu jidhirlu li hu avversarju b’mod daqshekk spiss u apert.

M’hemm ebda dubju li Trump ġie elett demokratikament u bl-aktar mod ħieles u liberu. Madankollu l-fatt li Trump lest juża l-poter Presidenzjali daqshekk b’mod apert jiftaħ mistoqsijiet fundamentali fuq il-kostituzzjoni Amerikana.

Normalment f’pajjiżi Ewropej (Franza hawn hija pjuttost eċċezzjoni), Prim Ministru jew Ministru jitlef postu jekk ikun sfiduċjat mill-Parlament. Biżżejjed insemmi lil Liz Truss li lanqas ġiet sfiduċjata formalment imma kien ċar li kienet se tiġi sfiduċjata. Artiklu 2 sezzjoni 4 tal-Kostituzzjoni Amerikana jgħid, “The President, Vice President and all civil Officers of the United States, shall be removed from Office on Impeachment for, and Conviction of, Treason, Bribery, or other high Crimes and Misdemeanors”.

Effettivament dan ifisser li l-President Amerikan jista’ jitneħħa biss jekk jinstab ħati ta’ reat liema ħtija trid tkun aċċettata miż-żewġ naħat tal-kamra fil-livell tas-Senat. Prattikament għalhekk impossibbli sakemm ma tiżloqx waħda gravi a’ la Richard Nixon. Dan il-fatt jagħti lill-President saħħa enormi għaliex b’hekk President mhuwiex vulnerabbli, ikun kemm ikun kontroversjali u forsi anke kontradittorju min-norma.

Sistema mifnija bi problemi

Anke s-sistema tal-ġustizzja hija mifnija bi problemi li issa bdew jgħollu rashom sew. Trump spiss jakkuża ċerti mħallfin u maġistrati li huma politikament preġudikati. U sa ċertu punt jagħmel punt tajjeb. Għaliex qed ngħid hekk? Għax fl-Istati Uniti f’ċerti livelli jaf ikollok maġistrat u mħallef li litteralment ikun fil-pożizzjoni għaliex ikkontesta formalment bħala Demokratiku jew Repubblikan u ġie elett fil-kariga. Dan itappan bil-bosta s-sens ta’ newtralità politika li suppost għandu jkollu maġistrat jew imħallef.

Difetti demokratiċi li forsi meta jkollok President li ma jużawx il-poter tagħhom sal-limitu tal-massimu ma joħorġux flagrantament fil-beraħ imma li issa qegħdin joħorġu bħala difetti kostituzzjonali ċari fil-mod kif taħdem u tiffunzjona l-Istati Uniti.

Nerġa’ tenni, Trump ġie elett demokratikament; m’hemm ebda dubju dwar dan. Imma bħal kull mexxej elett demokratikament ieħor jekk ma jkunx hemm checks and balances ċari jkun hemm periklu ċar aktar u aktar ma’ karattru strongman bħalma huwa Trump.

L-Ambaxxata

Propju hekk kif qiegħed nikteb dan l-artiklu ħarġet l-aħbar li hemm ċans konsiderevoli li l-Istati Uniti se tagħlaq l-ambaxxata tagħha f’Malta. L-ewwel u qabel kollox nuri solidarjetà mal-impjegati tal-ambaxxata fosthom ħafna Maltin li b’hekk għandhom ħobżhom mhedded.

L-Istati Uniti ilha bi preżenza diplomatika f’pajjiżna sa mill-1964. Il-fatt li issa l-Istati Uniti taf ittemm din il-preżenza tirrifletti li għall-Istati Uniti relazzjoni ma’ Malta ma tgawdix daqstant importanza li tkompli tinvesti fi preżenza fiżika. Filwaqt li llum il-ġurnata jien kritiku bil-kbir tal-Istati Uniti u l-President tagħha huwa mingħajr ebda ombra ta’ dubju li relazzjoni diplomatika mal-Istati Uniti hi essenzjali u utli. Hu messaġġ negattiv ħafna għal pajjiżna l-fatt li pajjiż li jżomm preżenza madwar id-dinja kollha jagħżel li ma jżommx preżenza f’pajjiżna. 

Awguri

Nawgura lill-qarrejja kollha ta’ In-Nazzjon Għid mill-aqwa mimli ferħ, hena u paċi. Ejja nieħdu l-opportunità ta’ dawn il-jiem biex insibu mument ta’ riflessjoni u talb.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 17 ta’ April, 2025.