Formula 1 Sport

Dominju mill-McLaren fl-ewwel provi tal-Ġimgħa f’Jeddah

Gran Prix tal-Għarabja Sawdija
Gran Prix tal-Għarabja Sawdija

Hekk kif fit-tmiem din il-ġimgħa, fil-kalendarju tal-Formula 1 għal din is-sena, imiss il-Gran Prix tal-Għarabja Sawdija, matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Ġimgħa, Lando Norris kien l-aktar veloċi minn sieħbu tal-McLaren Oscar Pisatri.

Fit-tieni prattika tal-ġurnata, is-sessjoni kienet imwaqfa lejn it-tmiem meta Yuki Tsunoda tar-Red Bull laqat il-ħitan ta’ ġewwa u ta’ barra fl-aħħar kantuniera meta kien fadal disa’ minuti.

Tsunoda kellu s-sitt l-aktar ħin veloċi wara Charles Leclerc tal-Ferrari u Carlos Sainz tal-Williams, iżda ħalla lill-mekkaniks tiegħu b’ħafna xogħol xi jsir fir-rokna ta’ quddiem il-lemin tal-karozza matul il-lejl.

F’Jeddah, matul dan il-weekend, il-vetturi tal-McLaren jibqgħu l-aktar favoriti, hekk kif Norris għeleb lil Piastri b’0.163s u dehru aktar komdi matul is-sessjoni kollha.

Max Verstappen kiseb it-tielet l-aħjar ħin; 0.280s ‘il bogħod minn Norris iżda Red Bull huma aktar kompetittivi meta mqabbla mal-Gran Prix tal-Baħrejn fuq korsa fejn is-sewwieqa jistgħu jagħmlu differenza kbira.