Internazzjonali

Fil-Filippini: L-istorja tar-raġel li ilu jissallab għal 36 sena

Ritratt: AFP

Il-Kattoliċi fil-Filippini mmarkaw il-Ġimgħa l-Kbira għal darb’oħra b’purċissjonijiet li jesponu t-tbatija li għaddha minnha Ġesù Kristu – purċissjonijiet kontroversjali li l-Knsija stess tirrifjuta milli tirrikonoxxi. Dan minħabba li ammont kbir ta’ nies, propju f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira jagħżlu li jippruvaw jgħaddu minn tbatija kbira. B’ħafna minn dawn il-Filippini jispiċċaw jissawwtu verament b’mod aħrax ħafna.

Però l-aktar aspett kontroversjali f’dawn it-tip ta’ purċissjonijiet huma l-ħruxijiet waqt il-kruċifissjoni – tisliba li fiha iż-żewġ idejn tal-fidil jiġu imsammra ma’ għewda tal-injam forma ta’ salib li tirrapreżenta l-kurċifiss.

Ruben Enaje, li għandu 64 sena, ilu 36 sena jissallab f’dawn iċ-ċerimonji tal-Ġimgħa l-Kbira.

Enaje ħa l-irwol ewlieni fit-tradizzjoni f’San Pedro Cutud fit-tmeninijiet u baqa’ jiġi imsallab sal-lum il-ġurnata. Dan apparti li jrid ukoll jerfa’ l-injama li tiżen madwar 30 kilo – fost swat reali u flaġellazzjoni.

L-aktar sit popolari għal dawn it-tip ta’ tislib huwa r-raħal ta’ San Pedro Cutud, madwar 60km mit-tramuntana ta’ Manila, fejn eluf ta’ viżitaturi jinġabru ta’ kull sena biex jaraw dawn l-atti ta’ fidi deskritti bħala estremi.

Dan apparti li eluf kbar ta’ Filippini devoti u oħrajn minn barra l-pajjiż ingħaqdu f’diversi purċissjonijiet reliġjużi minkejja t-temperaturi ta’ ‘l fuq minn 40 grad celsius.