“Hekk kif ħadt l-aħbar… xtaqt immut u nindifen miegħu“
“Min jippromwovi u jmexxi d-droga probabbilment ma jafx kemm hu kbir id-dulur li jgħaddu minnu mhux biss il-vittma diretta tagħhom imma wkoll dawk li jħallu warajhom, vittmi tagħhom ukoll, martri b’feriti li ma jidhrux iżda li ma jfiqu qatt.
“Sentejn ilu d-droga serqitli lil ibni. Tifel kwiet u mistħi, il-ġmiel tiegħu, intelliġenti immens, sensittiv, perfezzjonist u mingħajr nitfa ħażen. Kien maħbub minn bosta.
“Dakinhar li ħadt l-aħbar mingħand ommi, li dik il-ħabta kien qed jgħix magħha, xtaqt immut miegħu u nindifen miegħu. Imma naf li dik kienet the easiest way out. Jien għandi żewġt itfal oħra, li batew ukoll minħabba l-vizzju tiegħu, irrid ngħix għalihom ukoll.”
Hekk qaltli Marthese Camilleri, omm li fl-14 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu tilfet lil binha, vittma tad-droga li minkejja li għal aktar minn darba għamel ħiltu kollha biex jiġġildilha, spiċċat biex rebħitlu għax iddominatlu ħajtu u għaffġitu taħt il-qawwa tremenda tagħha.
“Jean Paul kien tifel kwiet minn dejjem,” bdiet tgħidli meta fil-jiem li għaddew iltqajt magħha għal din l-intervista. “Anki meta kien tarbija bilkemm kien jibki. Kellu karattru introvert, ftit li xejn kien jiftaħ qalbu. Kien intelliġentissmu imma ma kienx jemmen biżżejjed fih innifsu.”
Marthese qalet li Jean Paul beda jinbidel meta beda l-iskola sekondarja. Kien ibbuljat. Ta’ 15-il sena kien diġà beda jbati mid-dipressjoni u mal-lejl ibati biex jorqod. Filgħodu kedda sħiħa biex imur l-iskola. Minkejja li beda iktar ma jmurx milli jmur l-iskola, moħħu kien intelliġenti ħafna u kull suġġett li kellu għamel l-O-Level tiegħu u għadda minnu. Mar l-MCAST u telaq, daħal il-Junior College u beda jagħmilha ma’ persuni akbar minnu, beda jixrob, imbagħad il-cannabis u finalment minn ħaġa għadda għal oħra. Il-ħaxixa kienet iġġibu paranoid.
“Ma nafx meta eżatt beda jmiss mad-droga. Imma meta indunajt kont nikkonfrontah u dak kien il-ġlied ta’ bejnietna… imma għalxejn konna nitħabtu biex jieħu l-għajnuna. Morna ħafna drabi f’għaqdiet għall-għajnuna, imma ma kienx ikompli, donnu kien jiġi biss biex jagħlqilna ħalqna.
“Mill-kitbiet li sibt wara mewtu skoprejt kemm ġie mqarraq. Ħaseb li seta’ jikkontrolla kif u meta ried hu. Mentri kien bil-kontra. Jgħid li fil-bidu kien jemmen li hemm il-benefiċċji għal min juża d-droga u li seta’ jieqaf meta jrid hu. Meta induna kemm dan ma kienx minnu, kien tard wisq. Kien kiteb, fost oħrajn, li l-logħba bdiet iddur u beda jitlef il-ballun minn taħt saqajh.
“Meta għadda għal drogi iktar qawwija mill-cannabis kien hemm mumenti li sar aggressiv u kultant anki vjolenti magħna. Bħalma kiteb hu stess, id-droga bidlitu. Darba ħareġ u ma ġiex lura d-dar. Fit-tard ċemplulna l-pulizija biex immorru l-isptar, l-ITU. Kellu l-ewwel overdose. Morna niġru u dakinhar ħsibt li se narah l-aħħar darba. Kien mitluf u kollu wires miegħu. Imma l-mirakli għadhom jiġru u b’xi mod irkupra.”
Marthese irrakkontatli storja oħra tal-biża’ waqt li binha kien l-isptar. Dawk li kienu miegħu meta kellu l-OD staqsewh fejn ħeba d-droga, ħadulu ċ-ċwievet tad-dar mill-but u meta kienu jafu li l-ġenituri tiegħu kienu l-isptar, daħlu fl-appartament u taħt is-sodda sabu d-droga u l-flus li kellu u serqulu kollox. “Biex tara safejn twasslek id-droga! Aħna ma nafux jekk hux ħaj jew mejjet, u huma jidħlu f’daru u jisirquh. Illum nifhem li huma kienu addicts bħalu, li ma kinux qed jagħmlu hekk għax persuni kattivi, imma għax id-droga kienet tikkontrollahom hi mhux huma. Illum nifhem li dawn għandhom problemi kbar u għandhom bżonn l-għajnuna.”
Jean Paul ħareġ mill-isptar, imma xorta baqa’ juża. Dam biex irrealizza li għandu bżonn l-għajnuna, għaddew xi sena u nofs oħra. Imma l-mument wasal u daħal għal programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas. Bata, imma rnexxielu jasal sal-aħħar. Ħareġ minn hemm clean u lanqas sigarett komuni ma kien ipejjep. Beda jaħdem u reġa’ beda joħlom għall-futur tiegħu. Kompla jistudja u lesta sentejn minn tlieta li kellu bżonn għal degree biex isib xogħol aħjar. Xtara karozza u ħallasha u mbagħad beda jġemma’ biex jixtri post.
Imma għaddew tliet snin u Jean Paul kellu relapse. Id-droga baqgħet tiġri warajh u reġa’ waqa’. Din id-darba wasal għal sitwazzjoni agħar minn kif kien qabel.
Meta kiteb dwar din is-sitwazzjoni, Jean Paul qal li issa kien tilef kollox… l-emozzjonijiet, ir-relazzjonijiet u l-imħabba, il-ħbieb, is-saħħa, il-flus, il-paċi…
Daħal għall-programm għat-tieni darba, imma d-determinazzjoni fih kienet majnat sew. Ma kienx effettiv biżżejjed din id-darba l-programm li għamel. Ma baqax imur għas-sessions ta’ wara darba fil-ġimgħa u lanqas għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni f’San Blas ma mar.
Marthese qalet li fil-jiem ta’ qabel miet kellu relazzjoni tajba magħha. Kien ikellimha fuq l-istudju, li kellu l-ħsieb jerġa’ jibda, kien jistedinha tmur għal kafè miegħu u joqgħod ikellimha fuq pjanijiet għall-futur, xtara karozza. L-aggressjoni fih naqset, imma d-droga kienet skattatlu ħafna mard u kien qed jieħu ħafna pilloli… u l-qalb ma felħitx aktar.
Kien qed joqgħod man-nanna tiegħu dak il-perjodu. Meta jumejn wara l-aħħar laqgħa tagħhom Marthese tirċievi telefonata mingħand ommha. Qaltilha li Jean Paul kien mixħut mal-art u donnu bla ħajja. Marret tiġri għandha u kif ratu f’dik il-qagħda mal-art indunat mill-ewwel li ma kienx hemm aktar tama.
Saret l-awtopsja u r-riżultat, minn Marzu, irċevewh fis-sajf. Irriżulta f’attakk tal-qalb u kien hemm it-traċċi tal-pilloli li kien jieħu, imma kien hemm preżenza ta’ kokaina wkoll. “Dakinhar xtaqt kelli l-opportunità biex nagħżel li mmut miegħu u nindifen miegħu. Kont qisni qed ngħix f’ħolma, nistaqsi hux minnu jew le li ibni issa telaq darba għal dejjem.”
Madankollu Marthese qaltli li t-tifel ma tilfitux dakinhar li miet. “Lit-tifel tliftu hekk kif għamel l-ewwel kuntatt mad-droga. Minn dak iż-żmien kont id-Duluri jiena, għax id-Duluri mhijiex statwa, imma l-omm li titlef lil binha quddiem wiċċha.”
Marthese qaltli li tittama li minn dawn l-istejjer ħaddieħor jitgħallem biex ma jirrikorrix għad-droga għax jaħseb li hu se jkun b’saħħtu iktar minnha u se jkun kapaċi jikkontrolla jew jieqaf meta jrid. Għax sfortunatament mhux dejjem ikun hekk.
Kitba ta’ Joe Cassar
