Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq żjara uffiċjali fiċ-Ċina

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fil-jiem li ġejjin se jkun fuq żjara uffiċjali fiċ-Ċina, fejn se jiltaqa’ ma’ diversi Ministri u rappreżentanti minn setturi kummerċjali u teknoloġiċi ewlenin. Din iż-żjara qed issir bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta u jfittex opportunitajiet ġodda ta’ investiment u koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Matul iż-żjara Bernard Grech se jiffoka fuq kif Malta tista’ tkompli tespandi r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha maċ-Ċina, filwaqt li tinvesti f’aktar inizjattivi ta’ kollaborazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġija avvanzata, ir-riċerka u l-iżvilupp diġitali. Il-mira ewlenija hi li Malta tibqa’ kompetittiva u innovattiva f’swieq globali li qed jinbidlu b’ritmu mgħaġġel.

Fid-diskorsi u l-laqgħat tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jisħaq fuq l-importanza li Malta tagħti prijorità lit-trasferiment tat-teknoloġija bħala mezz biex jinħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti wkoll l-importanza ta’ kummerċ miftuħ bejn l-ekonomiji globali, u l-fehma tal-Partit Nazzjonalista li għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw it-tariffi bejn il-pajjiżi, għaliex b’dan ibatu biss in-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u s-Sinjura Anne Marie Grech jinsabu akkumpanjati mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea, mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami u d-Direttur Komunikazzjoni PN u Kelliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni Nathaniel Attard.