Lokali

Kundanna għall-opportuniżmu politiku li jrid jarmi l-interessi tal-Għargħurin

L-interessi tar-residenti ta’ Ħal Għargħur imħarsa biss minn min verament qed jaħdem għalihom

L-interessi tal-Għargħurin qed jiġu mħarsa biss minn min verament qed jaħdem għalihom.

Ir-residenti ta’ Ħal Għargħur ivvutaw biex fil-Kunsill ikollhom lil min iħares l-interessi tagħhom u ta’ Ħal Għargħur. Imma issa hu ċar li hemm min daħaq bihom u llum, għax qiegħed fil-Kunsill, qed jagħmel mod ieħor.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mis-Sindku ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci u l-Kunsilliera Lokali Marilena Hassan.

F’Ottubru tal-2023 il-Gvern kien qabel li jagħti b’kiri lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur il-Fortizza tal-Anċieritka. Dan sar permezz ta’ kuntratt bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista mmexxi mis-Sindku Helen Gauci. Bil-permess tal-istess Awtorità, kien se jingħata bi ftehim ta’ sollokazzjoni (sublease) lill-għaqda non-governattiva il-Fondazzjoni Don Bosco li tant taħdem ma’ tfal u żgħażagħ minn Malta kollha.

Dan il-ftehim sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti u kellu s-sostenn sħiħ tal-Kunsillieri tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien Christopher Fenech u Carl Grech. Imma llum, jidher li Kunsillieri, jew uħud mill-Kunsillieri, qed isibu diffikulta li l-Kunsill Lokali jibqa’ jikkollabora ma’ din l-għaqda. Jekk dan hu l-każ, kulħadd għandu jkun ċar fi kliemu biex ir-residenti Għargħurin, kif għandhom kull dritt, ikunu jafu l-pożizzjoni eżatta ta’ kull Kunsillier Lokali. Hu ċar li hemm minn l-unika intenzjoni  meta kkontesta l-elezzjoni kienet  li jkunu eletti u jaħdmu skont l-aġenda personali.

Meta s-Sindku Helen Gauci ffirmat il-kuntratt tas-sollokazzjoni mal-NGO Fondazzjoni Don Bosco, dan sar bi ftehim sħiħ mal-Awtorità tal-Artijiet, li ddeċidiet anke l-ammont tal-kirja, ta’ €750 fis-sena. Il-kuntratt iffirmat mal-NGO jixhed li kollox sar skont il-Liġi u s-Sindku tista’ tassigura lil kull min qed jiġih xi dubju dwar l-integrità tagħha li ma kien hemm l-ebda interess, la personali u lanqas politiku.

L-uniku interess tas-Sindku ta’ Ħal Għargħur dejjem kien, għadu u jibqa’ dak tal-komunità u dwar dan, is-Sindku għandha s-serħan il-moħħ mir-residenti li jafu li fil-ħidma tagħha qatt ma ħarset lejn wiċċ ħadd u ħadmet dejjem b’kuxejnza safja. Xi ħaġa li żgur ma jistgħux jgħiduha oħrajn fil-Kunsill.

Is-Sindku tiċħad kategorikament li f’dan il-kuntratt kien hemm intenzjonijiet li jmorru lil hinn minn għajnuna lill-komunità. Jekk min illum qed jikkontesta dan il-kuntratt verament kien imħasseb għal xi raġuni, messu mar fil-Kunsill bi proposti konkreti u mhux mar jiġri fuq il-media tal-Partit Laburista. Wieħed jifhem eżatt x’inhi l-aġenda ta’ min jagħżel din it-triq.

Mhux minnu lanqas li dan is-sit storiku ma jistax jiġi utilizzat mill-Kunsill Lokali jew li l-ftehim se jħalli lir-residenti mingħajr aċċess għall-Forti. Anzi, il-ftehim jistipula b’mod ċar li l-Forti għandu jintuża għall-benefiċċju tal-komunità u l-NGO ma tistax titlob ħlas lill-pubbliku għall-użu tiegħu.

Is-Sindku twiegħed li se tibqa’ taħdem għall-ġid tal-komunità kollha ta’ Ħal Għargħur u tittama li f’din il-ħidma ssib is-sostenn tal-Kunsillieri Lokali l-oħra li f’Ġunju li għadda ħalfu li jagħmlu l-istess. Ebda attakk, la fuq id-demokrazija lokali kif espressa mill-Għargħurin fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali u lanqas ebda tentattiv ieħor ta’ distabbilizzazzjoni tal-Kunsill, mhu se taqta’ qalb il-ħidma tal-Kunsill Lokali.

Ir-residenti u l-komunità għandhom jiġu dejjem qabel kull ambizzjoni politika tal-individwu.