Napoli ma sabuha xejn faċli biex kisbu tlett punti fil-U-Power Stadium kontra Monza li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u huma prattikament relegati għas-Serie B hekk kif kisbu rebħa minima ta 1-0.
Il-gowl tar-rebħa għal-Partenopei jasal fit-72 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Scott McTominay minn kross ta’ Raspadori, bl-Iskoċċiż jinterċetta l-ballun qabel il-goalkeeper Turati. Dan il-gowls huwa d-disa gowl tal-istaġun għal McTominay fis-Serie A.
Kollox jiddependi issa fil-konfront t’għada bejn Bologna u Inter għal min se jkun f’ras il-klassifika wara t-33 ġurnata tas-Serie A. Bologna għandhom bżonn tlett punti bilfors jekk iridu jkomplu jissieltu għal post mal-ewwel erba’.
Intant, Como komplew jitbiegħdu miż-żona ‘l ħamra u jinsabu kważi salvi għall-ewwel staġun tagħhom lura fis-Serie A wara rebħa komda ta’ 3-0 fuq Lecce, hekk kif dawn tal-aħħar jinsabu biss punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Assane Diao u Nico Paz jibbrillaw għal darb’oħra f’din il-partita hekk kif id-dopjetta jkunu involuti fl-ewwel gowl bl-Arġentin jassisti lil Diao fit-33 minuta.
Goldaniga jirdoppja fl-84 minuta qabel Diao jiskorja t-tieni gowl personali u t-tielet gowl għal Como fil-91 minuta.
Minkejja l-bidu ħażin taħt Juric u De Rossi, it-tim ta’ Roma taħt Ranieri kien formidabbli u qed jirnexxielu jdawar totalment l-istaġun. Roma għelbu lil Hellas Verona bl-iskor minumu ta’ 1-0, biex telgħu fis-sitt post b’total ta’ 57 punt, u jinsabu żewġ punti ‘l bogħod minn Juventus fir-raba’ post, pero b’partita inqas. Minbarra hekk huma jinsabu wkoll l-istess ammont ta’ punti bħal Bologna, u telfa kontra Inter għal Bologna taf tfisser li Roma jitilgħu fil-ħames post.
Il-gowl li ppremja r-rebħa lil Roma wasal wara biss 4 minuti logħob minn Eldor Shomorudov, mis-suġġeriment ta’ Matias Soule. Il-Giallorossi kienu kapaċi jżommu l-vantaġġ sal-aħħar.
Napoli jżommu l-pressjoni fuq Inter b’rebħa fuq Monza
