Marsaxlokk kontra Sliema Wanderers | illum, is-Sibt, fis-1:45pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali
Kważi 50 ġurnata llu, Marsaxlokk kienu għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 fil-Closing Round, f’dik li sal-lum kienet l-aħħar partita bejn dawn it-tnejn fil-Malta Premier. Dak in-nhar, Marsaxlokk kienu rebħu 1-0, b’gowl deċiżiv ta’ Alex Tanque, seba’ minuti mit-tmiem tal-logħba.
Wara dik il-logħba, Sliema Wanderers kienu dawru l-folja, u fil-ħames partiti li segwew fil-Malta Premier huma rebħu dejjem, biex preżentament jinsabu fl-ewwel post tal-Closing Round, b’tliet partiti mit-tmiem ta’ dan l-istadju. Dawn it-tnejn, Marsaxlokk u Sliema Wanderers, se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin f’waħda mill-ewwel partiti minn match day 30 tal-Malta Premier.

Marsaxlokk jiċċelebraw wieħed mill-gowls tagħhom dan l-istaġun
L-aħħar wirjiet ta’ Marsaxlokk
Fl-aħħar partiti, partikolarment fl-ewwel żewġ partiti mill-istadju tat-Top 6 tal-Closing Round, Marsaxlokk kienu qed juru konsistenza fil-pożittiv. Tant li qabel l-aħħar logħba tal-Kampjonat kontra Floriana, u li tilfu 2-1 b’gowl lejn l-aħħar, it-tim taħt il-gwida ta’ Enzo Potenza rebaħ żewġ partiti fuq xulxin fil-Malta Premier, fejn matulhom skorja disa’ gowls mingħajr ma sofra ebda gowl.
B’sistema tattika ta’ 4-2-3-1, Marsaxlokk qed jattakkaw l-aktar minn fuq il-linja tax-xellug. Ironikament, wara l-ewwel żewġ partiti tat-Top Six, ix-Xlukkajri huma l-aktar li kellhom xuttijiet mill-avversarji tagħhom. Bħala medja, Marsaxlokk kellhom aktar minn 13.5 tenattiv lejn il-lasta mit-tim oppost, bid-distanza medja ta’ dawn ix-xuttijiet f’dawn l-aħħar żewġ partiti li lagħbu kontra Mosta u Floriana, kienet ta’ 19.35 metri.
L-istatistika miġbura wara l-ewwel partiti tat-Top Six, turi li wara Mosta, Marsaxlokk hu t-tieni l-aktar tim li qed jirnexxilhu jagħmel passaġġi fil-kaxxa avversarja; 17.43 bħala medja, f’kull logħba.
F’dawn l-ewwel partiti tat-Top Six, Marsaxlokk kellhom lil Dodo u lil Yuri Messias fost l-aktar plejer effettivi fl-iskwadra, bl-eks plejer ta’ Ħamrun Spartans jiskorja darbtejn filwaqt li Yuri serva żewġ assists.

Fl-istadju tat-Top Six tal-Closing Round, Sliema Wanderers skorjaw tliet darbiet f’żewġ partiti, mingħajr ma soffrew gowl.
L-aħħar wirjiet ta’ Sliema Wanderers
M’hemmx dubju li Sliema Wanderers fil-mument hu l-aktar tim fil-forma u bħala leaders tal-Closing Round u bir-riżultati miksuba fl-aħħar ħames partiti tal-Malta Premier, bir-raġun li wieħed ipoġġi lill-blues bħala l-favoriti għar-rebħ tat-tliet punti minn dan il-konfront.
Huma mistennija jadottaw sistema flessibli ta’ 5-3-2, fejn qed jattakkaw l-aktar minn fuq il-linja tal-lemin. Interessanti l-fatt li għalkemm bħala medja, fl-aħħar żewġ partiti huma kellhom kważi tmien xuttijiet lejn il-lasti avversarji, huma kienu ukoll l-aktar tim li bħala medja rrnexxilu jikkonkludi lejn il-lasta avversarja minn distanza qasira; 15.53 metri.
Filwaqt li f’Top Six, Sliema Wanderers għadhom ma soffrew ebda gowl, huma qed juru ukoll organizazzjoni fid-difiża tagħhom, bl-inqas numru ta’ fouls imwetqa minn fost it-12-il tim tal-Malta Premier.
Mohamed Abdulahi Awad kien l-akbar protagonista ta’ Sliema f’dawn l-aħħar żewġ partiti tat-Top Six, b’żewġ gowls skorjati, minn total ta’ ħamsa dan l-istaġun.
Fid-difiża Slimiża, qed ikollu prestazzjonijiet tajba Gustavo, b’numru ta’ interċettazzjonijiet u konklużżjonijiet imblukatti tat-tim avversarju.
Rebħa għal Sliema Wanderers fil-ġurnata, tkompli żżid il-possibiltá li l-iskwadra taħt il-Presidenza ta’ Keith Perry, taf tispiċċa bħala t-tim rebbieħ tal-Closing Round.
//= $special ?>