Il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu għandu jġib miegħu riflessjoni u tama sabiex kull persuna jkollha l-paċi fil-qalb tagħha.
Fid-9:30 am, propju f’jum Ħadd il-Għid, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J Scicluna ċċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Fl-omelija, l-Arċisqof fakkar kif dan il-jum għandu jfisser li kull persuna tagħmel il-ġid u tissagrifika ftit minn ħajjitha f’isem it-tbatija li Ġesù bata fil-passjoni u l-mewt tiegħu meta ġie msallab fuq is-salib.
Biex issa, bil-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu għandu jitwieled sens ġdid, sens tal-fidi hekk kif il-bniedem jitwieled għal ħajja ġdida, għal ħajja ta’ dejjem. L-Arċisqof sostna li l-qabar vojt ta’ Kristu nissel biża’ iżda, minkejja dan, kien hemm fidi kbira.
Monsinjur Scicluna temm jgħid li llum għandna nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal tal-fidi u għandna niġġeddu, f’qalbna u f’ruħna ħalli nimtlew bil-paċi li jġib miegħu Ġesù Rxoxt.