Colin Schembri
Hibernians………….85
Starlites……………….68
(22-13)(23-15)(20-20)(20-20)
Hibernians ġew inkurunati champions tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena fil-kampjonat Louis Borg wara rebħa konvinċenti ta’ 85-68 fuq Starlites fit-tielet u deċiżiva logħba tas-serje. Din kienet il-konklużjoni perfetta għal staġun ta’ konsistenza u intensità taħt it-tmexxija ta’ Silvio Cassar, li mexxa lill-Hibs b’mod kliniku sa l-aħħar tisfira. Fost il-protagonisti, kien hemm ukoll players li jumejn qabel diġà ċċelebraw rebħa fil-kampjonat nazzjonali mal-ewwel tim ta’ Hibernians, u b’hekk temmew ġimgħa li se tibqa’ mmarkata b’żewġ titli prestiġjużi f’livelli differenti tal-klabb.
Kienu Starlites li għamlu l-ewwel basket tal-partita minn Miguel Fabri bil-Hibs iwieġbu permezz ta’ Matthew Attard u Stefan Simic. Il-logħob kompla jkun maqsum fejn Matthew Scerri u Fabri kisbu l-punti għal Starlites u Neil Cassar u Miguel Mallia jwieġbu għal Hibs. Wara puntgi minn Alex Sultana u Scerri għal Starlites, Hibs għamlu run ta’ 8-1 bi trippli minn Mallia u Attard u temmew l-ewwel sessjoni 22-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites kellhom risposta bi trippli ta’ Fabri, Sean Aquilina u Matthew Micallef. Hawn Hibernians bdew jiddefendu b’mod aggressiv u approfittaw minn turnovers għal fast breaks li wasslu għal run ta’ 13-0. Huma kellhom il-punti ta’ Matthew u Luke Attard flimkien ma’ trippla ta’ Simic li wasslu lil Hibs sa vantaġġ ta’ 17 45-28.
It-tielet sessjoni rat lil Starlites jagħmlu l-almu tagħhom biex jerġgħu lura fil-logħba, b’Scerri u Aquilina jnaqqsu d-distakk għal 15 -il punt. Hibs però rrispondew minn taħt il-board, b’Mallia u Simic effettivi hekk kif huma għamlu break ieħor ta’ 9-0 u sa tmiem il-perjodu, l-iskor kien 65-48 favurhom. Fl-aħħar sessjoni, Starlites għal darb’oħra ppruvaw jersqu viċin speċjalment wara run ta’ 10-0 li naqqsitilhom id-distakk għal 10 punti. Hibs però rrispondew fosthom bi trippla oħra ta’ Mallia flimkien ma’ Cassar u M. Attard li għalaq il-partita b’żewġ baskets għal skor finali ta’ 85-68 biex Hibernians rebħu dan il-kampjonat. Fi tmiem il-partita is-Sur Mark Borg iben is-Sur Louis Borg flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Hibs Matthew Attard fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.
Hibernians: N. Cassar 14, Z. Fenech, L. Attard 10, V. Kustodija, M. Attard 21, T. Gjurovski, S. Simic 17, M. Mallia 23, M. Rieger.
Starlites: K. Fabri 6, S. Aquilina 5, M. Micallef 3, A. Sammut, L. Attard, M. Fabri 11, L. Riolo 2, M. Scerri 28, A. Sultana 13, N. Sultana, JJ. Dimech.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia, Wendell Lim.
//= $special ?>