Grupp ta’ atleti żgħażagħ mill-Mosta Cycling Club reġa’ lura reċentement minn kamp ta’ taħriġ internazzjonali ta’ suċċess li sar f’Corleone, Palermo. Dan il-camp, ospitat mill-klabb Taljan N.A.G. Scuola di Ciclismo, kien parti minn kollaborazzjoni li għandha l-għan li ttejjeb l-iżvilupp taż-żgħażagħ fiċ-ċikliżmu u tissaħħaħ ir-rabta bejn il-komunitajiet taċ-ċikliżmu Maltin u Sqallin.
Il-programm ta’ ħamest ijiem kien intensiv u inkluda taħriġ, kompetizzjonijiet u skambji kulturali. Fost il-mumenti ewlenin kien hemm sessjonijiet ta’taħriġ fil-Velodromu Paolo Borsellino f’Palermo, taħriġ fi grupp f’postijiet pittoreski mit-Tramuntana tal-Valle di Vicari sal-belt ta’ Prizzi, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-Coppa delle Palme – avveniment ewlieni fil-kalendarju tal-Coppa Sicilia di Ciclismo għall-kategoriji U14 u U16.
Minbarra t-taħriġ fiżiku, il-kamp offra wkoll opportunitajiet għall-qsim ta’ għarfien bejn il-kowċis, testijiet fil-gym, u żjara kulturali fiċ-ċentru storiku ta’ Corleone kif ukoll fil-Cascata delle Due Rocce. Laqgħa uffiċjali mas-Sindku ta’ Corleone, is-Sur Walter Ra’, enfasizzat l-appoġġ tal-komunità lejn inizjattivi sportivi internazzjonali għaż-żgħażagħ.
“Dan il-kamp kien aktar minn sempliċi opportunità ta’ taħriġ. Kien esperjenza siewja fl-iżvilupp atletiku, fl-iskambju kulturali u fil-bini tat-tim,” qal Winston Pirotta, President tal-Mosta Cycling Club. “Saħħaħ ukoll l-impenn tagħna li noħolqu opportunitajiet għaċ-ċiklisti Maltin biex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet madwar Sqallija u l-Italja.”
Dan il-camp ta’ taħriġ ipprovda lill-klabb b’titjib fil-prestazzjoni tal-atleti permezz ta’ varjetà ta’ terreni u taħriġ strutturat, kif ukoll gwida kontinwa minn kowċis Taljani li offrew għarfien siewi dwar il-metodi tagħhom u kif wieħed jista’ jmexxi klabb b’mod aktar effettiv.
“Ninsabu soddisfatti bl-eżitu ta’ din iż-żjara li wasslet għal impenn konġunt li se jwassal għal kollaborazzjoni fit-tul f’kull kategorija kompetittiva, mill-U12 sal-Elite u Masters,” kompla jgħid Pirotta.
Il-Mosta Cycling Club wera l-apprezzament tiegħu lil kull min għen għas-suċċess ta’ dan il-camp, b’mod partikulari lis-Sur Alessandro Vella u s-Sur Samuel Spiteri, membri tal-kumitat tal-Klabb li akkumpanjaw liċ-ċiklisti, kif ukoll lis-Sur Joe Bajada, Segretarju tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, lis-Sur Massimo Melidoro, President tan-N.A.G. Scuola di Ciclismo, u lill-ġenituri u voluntiera li bil-ħidma u l-appoġġ tagħhom għamlu din l-esperjenza possibbli.
//= $special ?>