Lokali Qorti

Inżamm arrestat wara li ġie mixli li beżża’ lil martu u wliedu

Libjan ta’ 50 sena li jgħix il-Ħamrun nżamm arrestat wara li qajjem kommossjoni fil-bini tal-Qorti wara li ġie mixli li beżża’ lil martu u lil uliedhom.

Quddiem il-Maġistrat il-prosekuzzjoni spjegat kif ir-raġel allegatament qal lil martu li se joqtolha waqt argument bejniethom.

Il-koppja ilha 17-il sena miżżewġa u għandha żewġt itfal. Il-mara kienet f’kafeterija fil-Marsa meta xi nies qalulha biex ma tgħaddix minn post partikolari għax l-imputat beda jgħid li se joqtolha, mbad ftit jiem wara l-imputat mar fil-bar fejn kien hemm il-mara u beda jirrepeti l-istess kliem fejn kienu xi nies li żammewh milli javviċinaha.

Il-pulizija marru fuq il-post fejn arrestaw lir-raġel, u s-Sibt resquħ fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati, bl-avukat difensur titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma u l-akkużat jgħixu f’residenzi separati.

L-Ispettur oġġezzjona minħabba li l-allegat vittma għad trid tixhed fil-kawża.

Kien meta l-Maġistrat ċaħad it-talba u ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li l-imputat beda jgħajjat u nqala’ kaos fl-awla bl-istess Maġistrat jordna li l-akkużat jinħareġ mill-awla.