Il-ħażen għadu jirrenja d-dinja u b’hekk jeħtieġ li nserrħu t-tama tagħna, li tiġi mal-qawmien ta’ Kristu, billi nafdaw f’Alla sabiex imexxina fit-triq it-tajba ta’ ħajjitna. Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Knisja Kattolika fl-Urbi et Orbi tal-Għid il-Kbir.
Eluf ta’ persuni minn madwar id-dinja kollha mlew Pjazza San Pietru biex jisimgħu l-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt l-Urbi et Orbi; messaġġ li twassal mill-Monsinjur Diego Giovanni Ravelli hekk kif saħħet il-Papa ma ppermettietx li jwassal il-ħsibijiet tiegħu f’diskors twil. Minflok, il-Papa kellu biss is-saħħa li jagħti l-barka solenni lil dawk kollha preżenti.
Il-messaġġ semma l-isforzi urġenti meħtieġa biex jissolvew kunflitti u firdiet, u biex jinstabu toroq veri ta’ paċi u fraternità, fejn tenna li l-ħażen jinsab xhieda bil-gwerer li qed isiru madwar id-dinja, b’ħarsa ewlenija lejn dak li qed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika tefa’ dawl ukoll fuq is-sitwazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-gwerer fejn fakkar li wieħed għandu kontinwament jaħdem favur il-paċi anke fost il-familji u l-ħbieb li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Hu sellem b’mod partikulari lill-morda, il-foqra, l-anzjani u dawk kollha li qed ibatu, b’xewqa li jistgħu jsibu l-faraġ.
Fi tmiem il-barka, il-Papa Franġisku dar man-nies preżenti permezz tal-popemobile li daret qalb il-folla fi Pjazza San Pietru.
B’differenza għal snin passati, il-Papa ma tax l-Għid it-Tajjeb b’lingwi varji, kif inhu tradizzjonali, inkluż bil-Malti. Dan wara li fl-aħħar xhur il-Papa kien rikoverat fl-Isptar Gemelli quddiem kundizzjoni kritika għal diversi jiem fejn kellu problemi ta’ nifs.
Il-quddiesa li ġiet iċċelebrata qabel iċ-ċeremonja saret mill-Kardinal Angelo Comastri fin-nuqqas tal-Papa Franġisku, bl-omelija saret mill-Kardinal Giovanni Battista Re.
//= $special ?>