Internazzjonali

L-Ukrajna u r-Russja jakkużaw lil xulxin dwar il-ksur tal-Ftehim għall-Għid

Ir-Russja u l-Ukrajna qed jakkużaw lil xulxin dwar azzjonijiet aggressivi li saru bi ksur tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied temporanju li kellu jibqa’ effettiv għal tmiem il-ġimgħa tal-Għid.

Min-naħa tiegħu il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal li r-Russja qed tgħid ħaġa u fl-istess ħin twettaq il-kuntrarju u meta l-Kremlin żgur li mgħandux l-intenzjoni biex inaqqas mill-qilla tal-attakki fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.

Zelensky qal ukoll li r-Russi żiedu l-bumbardamenti u l-attakki bid-drones fuq l-ibliet tal-Ukreni waqt l-għodwa ta’ Ħadd il-Għid.

Moska, madankollu, qed takkuża lill-Ukrajna dwar ‘it-tkomplija tal-ġlied’ minkejja s-suppost ftehim biex l-Ukreni u r-Russi jgawdi tmiem il-ġimgħa rari ta’ paċi. Dan waqt li l-kelliema għall-Kremlin qalu li l-Ukreni sparaw ‘il-mijet tad-drones’ lejn il-pożizzjonijiet u l-interessi tar-Russi.

Jidher, intant, li kien kollu fieragħ il-kliem tal-President Russu,Vladimir Putin li, ftit jiem ilu, ħabbar li kellu jkun osservat waqfien għall-ostilitajiet kollha (fl-Ukrajna) mis-Sibt wara nofsinar sa nofs-il lejl tallum, il-Ħadd.

Il-wiegħda ngħatat wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, hedded li Washington kapaċi jirtira mir-rwol ta’ medjatur għall-paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna,

Fl-aħħar sigħat ukoll, ir-Russi – fosthom il-Ministeru tad-Difiża f’Moska – baqgħu jinsistu li l-qawwiet kollha tagħhom kienu qed jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied tal-Għid. Fl-istess ħin, Moska sostniet li l-Ukreni ‘abbużaw għal mitt darba mill-ftehim’ – u bl-Ukrajna, imbagħad, toħroġ bil-kontro-akkuża li r-Russi qatt ma kellhom tassew il-ħsieb li jagħtu ftit tan-nifs liċ-ċivili Ukreni.

Il-President Zelensky spjega li l-Armata Russa pruvat tagħti l-impressjoni ġenerali li kienet lesta għall-waqfien mill-ġlied, anki waqt li s-suldati tagħha komplew bl-avvanzi f’numru ta’ zoni speċifiċi tal-Ukrajna–  u fost l-azzjonijiet ġodda li swew il-ħajja ta’ diversi Ukreni.

Is-sitwazzjoni, għaldaqstant, għandha tirritorna għal gwerra miftuħa fuq il-fronti kollha u meta ħadd mhu jaħseb li s-suppost waqfien mill-ġlied — li kellu jkun effettiv għal 30 siegħa — seta’ kien xi forma ta’ preludju għall-isforzi konkreti lejn it-tmiem tal-konflitt tal-Ukrajna li ilu għaddej minn Frar tal-2022.

Hemm ukoll il-possibbiltà kbira li Vladimir Putin, issa, jipprova jippreżenta tip ta’ xenarju li jaqbel lilu waqt it-taħditiet u n-negozjati li jmiss mal-Istati Uniti. Dan waqt li l-Kremlin għandu jipprova jiddiskredita lill-Ukrajna f’għajnejn l-Amerikani u bil-ħsieb li jikkonvinċi lill-President Donald Trump li ‘ir-Russja, aktar mill-Ukirajna, għandha l-intenzjonijiet ġenwini għall-paċi.